PROPOSTA DAR TAL-ANZJANI ĠDIDA F’ĦAL SAFI
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi beda l-proċess sabiex jikseb l-approvazzjoni tal-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex din il-lokalità tilqa fiha dar tal-anzjani sabiex tikkumplimenta id-Day Care Centre li diġà jħaddem il-Kunsill ta’ Ħal Safi.
Waqt laqgħa mal-Ministru tal-Intern u l-Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici, aktar kmieni llum, is-Sindku ta’ Ħal Safi, Pietru Pawl Busuttil qal li l-kunsill ressaq l-applikazzjoni għal dan il-proġett quddiem il-MEPA is-sena l-oħra.
Huwa tkellem ukoll dwar il-proġetti oħra ta’ prijorità li qiegħed jippjana l-kunsill, fosthom li jinfed dawk it-toroq fil-lokalità li bħalissa huma cul de sac. Dan għandu jwassal biex jonqos it-traffiku ta’ vetturi li jgħaddu miċ-ċentru ta’ dan ir-raħal kwiet b’detriment għar-residenti. Hemm ippjanat ukoll li jiġi żviluppat child care centre, wara li ssir l-esproprijazzjoni tal-art meħtieġa għalih, kif ukoll li jiġi restawrat ix-xelter li kien jintuża mir-residenti ta’ din il-lokalità li fi żmien it-tieni gwerra dinjija kienet imdawwra b’xejn inqas minn tliet airfields tar-Royal Air Force.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Mifsud Bonnici stqarr li dak li wieħed jara f’Ħal Safi llum huwa xhieda tal-effett pożittiv fuq il-ħajja tar-residenti li jista’ jħalli kunsill lokali li jaħdem b’għaqal u b’serjetà. Grazzi għall-ħidma tal-kunsill lokali tiegħu, Ħal Safi huwa raħal li huwa miżmum sew u li huwa mgħammar b’faċilitajiet neċessarji għal komunità b’saħħitha, bħal day care centre, librerija pubblika, nursery tal-futbol, grawnd tal-futbol b’ħaxix artifiċjali, pjazez, ġonna u playgrounds imsebbħin. “Imma fuq kollox, il-lokalità għandha kunsill li huwa qrib tar-residenti, li jisma’ u li qiegħed hemm biex iservi,” temm jgħid il-Ministru.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017