Left arrow Mur Lura

IFFIRMAT FTEHIM TA’ KOLLABORAZZJONI FIL-QASAM TAS-SAĦĦA BEJN MALTA U L-LIBJA F’JUM STORIKU GĦAŻ-ŻEWĠ PAJJIŻI

pr0386
Date Icon 21/02/2012

“Huwa unur għalija, bħala Malti u bħala Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, li propju sena wara jum li daħal fl-istorja taż-żewġ pajjiżi, niffirma ftehim ta’ kollaborazzjoni (memorandum of understanding) mal-Ministru għas-Saħħa Libjan”.

Hekk qal Joe Cassar, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità f’diskors qasir qabel ma ġie ffirmat il-ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-Libja fil-qasam tas-saħħa. Il-Ministru qal li l-poplu Malti kburi li kien ta’ għajnuna f’mument fejn il-ġirien tagħna kellu bżonn. Hu qal li ħaddiema u professjonisti fil-qasam tas-saħħa, kemm tal-Gvern kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet volontarji kienu minn ta’ quddiem biex titwassal għajnuna varja.  Il-Ministru Cassar semma wkoll l-għajnuna li ngħatat lill-Schwegha Mullah, li saret is-simbolu ta’ dak li kien qiegħed iseħħ fil-Libja taħt ir-reġim ta Gaddafi.

Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill-Ministru għas-Saħħa Libjan Fatma Hamroush taż-żjara li għamlet f’pajjiżna u tal-fiduċja li uriet f’pajjiżna.

Il-Ministru għas-Saħħa tal-Libja, Dr Fatma Hamroush qalet li ħassitha kburija li qed iżżur lill-Malta, għax bid-deċiżjoni li ħa l-Gvern Malti, fi żmien meta pajjiżi oħra kienu għadhom ma ddikjarawx il-pożizzjoni tagħhom, ġiet salvata l-ħajja ta’ eluf ta’ persuni.

Hi qalet li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Malti li joffri eżilju politiku liż-żewġ piloti li fittxew kenn f’Malta wara li ma obdewx l-ordnijiet biex jattakkaw lill-poplu tagħhom, kif ukoll li ma jagħtix l-ajruplani lura lir-reġim, kienet kuraġġuża ferm, anke minħabba dak iż-żmien ħadd ma kien jaf kif kienet se tispiċċa l-istorja.

“Kienet deċiżjoni erojka u ġurnata importanti għaż-żewġ pajjiżi” qalet il-Ministru Hamroush filwaqt li rrimarkat li l-poplu Malti għen lil dak Libjan mingħajr ma kien hemm bżonn ta’ talba formali għall-għajnuna.  Hi qalet li Malta kienet viċin il-polplu Libjan b’metodi differenti, u llum kien jum ta’ ċelebrazzjoni għaż-żewġ popli. 

Għalhekk, saħqet il-Ministru Hamroush, ma setgħax ikun hemm jum aħjar biex jiġi ffirmat dan il- memorandum of understanding.

Il-Ftehim li ġie ffirmat miż-żewġ Ministri huwa bbażat fuq kooperazzjoni u kollaborazzjoni fi ppjanar, tmexxija u implimentazzjoni ta’ servizzi fis-settur tas-saħħa.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità Mario Galea, u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Dr Kenneth Grech kienu preżenti għall-ftehim.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow