52 CHILD CARE CENTRE IĦADDMU 250 RUĦ U JILQGĦU 1,500 TIFEL U TIFLA
- Kumpaniji privati bdew joffru child-care għat-tfal tal-impjegati tagħhom
- Fi tliet snin in-nisa jaħdmu bi qliegħ żdiedu b’6,092
F’Malta hawn aktar minn 1,500 tifel u tifla fl-età taħt it-tliet snin li jattendu fi 52 child-care centre imħaddma mill-Gvern, mill-privat, bi sħab inkella mill-Knisja. Bejniethom dawn joffru impjieg lil 250 ruħ. Erbgħa minn kull ħamsa minn dawn il-ħaddiema huma carers u jaħdmu mill-qrib mat-tfal.
Waqt żjara li għamel f’Mickey’s Child-Edu Care Centre li jinsab f’Bulebel, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said spjega li dawn il-faċilitajiet qed jgħinu biex aktar nisa joħorġu jaħdmu u jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż, kif ukoll qed ikunu ta’ għajnuna u appoġġ għall-familji. Hu nnota li Mickey’s Child Edu-Care Centre qed jipprovdi servizz lill-ħaddiema taż-żona industrijali ta’ Bulebel.
Il-Ministru Said faħħar l-impenn ta’ kumpaniji privati li qed jifhmu l-importanza li ma jitilfux l-esperjenza u t-talent ta’ impjegati nisa wara li dawn isiru ommijiet u jibdew irabbu familja. Dan qed jagħmluh billi saħansitra qed jipprovdu faċilitajiet ta’ child-care għat-tfal tal-impjegati tagħhom. Iċ-child care centre Yoyo Kids se jipprovdi servizzi ta’ ħarsien għat-tfal tal-impjegati tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta filwaqt li PwC f’Ħal Qormi se joffri servizzi għat-tfal tal-impjegati tal-kumpanija Pricewaterhouse Coopers. Dawn it-tliet child care centres huma fost 14-il ċentru privat li qed jirċievu għajnuna mill-Gvern b’fondi tal-UE biex itejbu l-faċilitajiet tagħhom.
Il-Ministru Said qal li f’Settembru 2011 kien hemm 6,092 mara aktar taħdem milli f’Settembru 2008. F’għaxar snin in-nisa li jaħdmu żdiedu b’aktar minn 10,000. Madanakollu dan mhux biżżejjed u hu essenzjali għall-ekonomija li dawn ikomplu jiżdiedu. Hu għalhekk li l-Gvern qed jinvesti ħafna f’family friendly measures u qed iħeġġeġ lis-settur privat biex anki hu jibda jintroduċi u jħaddem miżuri li permezz tagħhom jattira aktar nisa u jżomm fl-impjieg lin-nisa li jsiru ommijiet.
Il-Ministru Said elenka wkoll diversi inizjattivi maħsuba biex iħeġġu aktar nisa jibqgħu jaħdmu jew jirritornaw fid-dinja tax-xogħol.
- Ġenituri li jaħdmu t-tnejn u li qed irabbu t-tfal, minn din is-sena qed jiffrankaw bejn €150 u €840 fis-sena fi tnaqqis fl-income tax bejniethom;
- Il-leave tal-maternità din is-sena żdied minn 14-il ġimgħa għal 16-il ġimgħa. Is-sena d-dieħla se jiżdied għal 18-il ġimgħa. Il-Gvern se jħallas lill-ommijiet li jieħdu l-maternity leave kemm jekk jaħdmu mal-gvern kif ukoll jekk jaħdmu fis-settur privat;
- Ommijiet li jibqgħu jaħdmu wara li jkollhom it-tfal igawdu minn tax holiday. Skemi oħra ta’ tnaqqis fl-income tax japplikaw ukoll għal nisa li jirritornaw għax-xogħol. Minn dawn l-iskemi diġà gawdew 8,600 familja;
- Ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’faċilitajiet privati tal-kindergarten jistgħu jnaqqsu €1,300 fis-sena mill-kalkulazzjoni tat-taxxa tad-dħul.
Il-Ministru Said semma li matul it-tliet snin li għaddew 14-il child care centre privat jew tal-Knisja investew madwar €742,000 sabiex jiftħu jew itejbu l-faċilitajiet li joffru. Il-Gvern qed jgħinhom permezz ta’ skema ta’ għajnuna taħt il-proġett ERDF 136: The Regeneration of Child Care in Malta li tammonta għal nofs miljun Ewro b’fondi mill-Unjoni Ewropea. Hu qal li dawn iċ-child care centres kollha qed jibbenefikaw minn din l-għajnuna għaliex qed jiżguraw kwalità fis-servizz li qed joffru billi jimxu mal-istandards nazzjonali għat-tmexxija ta’ ċentri ta’ dawn it-tip. Fakkar ukoll li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern fetaħ 16-il child-care centre f’lokalitajiet differenti u qed issir ħidma biex fiż-żmien li ġej jinfetħu erba’ ċentri oħra.
Iċ-child care centres privati li qed igawdu mill-għajnuna tal-Gvern u l-UE taħt il-proġett ERDF 136 huma dawn: Child Jesus Edu-Care Centre, Mickey’s Child Edu-Care Centre (Ħamrun u Bulebel), Pyramids Child Care Centre, Teddies Childcare Centre, PwC, Bright Sparks, Jugs Malta Ltd – Yo Yo Kids, ICT Ltd/Ladybird Lane, BeeSmart Child Care, My Day Care, Stepping Stones, Sam Sam Childcare Centre u Little Munchkins.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017