JISSOKTA R-RENJU TAL-KARNIVAL F’GĦAWDEX
Wara li ilu għaddej għal dawn l-aħħar tlitt ijiem, ir-Renju tal-Karnival f’Għawdex jissokta matul il-ġurnata tat-Tnejn u t-Tlieta b’attivitajiet diversi mtellgħa mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u numru ta’ Kunsilli Lokali madwar il-gżira.
Il-Karnival f’Għawdex jiġi fi tmiemu t-Tlieta 21 ta’ Frar 2012 bil-Grand Finale matul Triq ir-Repubblika fir-Rabat li jibda fis-6 p.m. bil-parteċipazzjoni tal-parteċipanti kollha tal-Karnival Reġjonali 2012. Fis-6.30 p.m. jingħata bidu tal-programm tal-karnival fi Pjazza Indipendenza fejn ser jipparteċipaw il-kumpaniji taż-żfin, maskri grotteski u karrijiet trijonfali. L-entratura għal din is-serata karnivaleska ser tkun bla ħlas. Barraminhekk jingħalaq ukoll is-siparju fuq il-karnival spontanju tan-Nadur li bħas-snin l-imgħoddija ġibed folol kbar matul l-iljieli tas-Sibt u l-Ħadd li għaddew.
L-attivitajiet organizzati mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali bdew il-Ġimgħa filgħaxija b’parata tal-Karnival matul Triq ir-Repubblika u programm ta’ żfin u wirjiet ta’ maskri grotteski u karrijiet fi Pjazza Indipendenza. Il-programm ta’ attivitajiet issokta s-Sibt filgħodu b’parata għall-kumpaniji taż-żfin tat-tfal tal-iskejjel f’Għawdex u spettaklu fi Pjazza Indipendenza. Matul il-jum tal-Ħadd, minbarra l-parata u l-programm taż-żfin kien hemm ukoll marċijiet tal-karnival minn baned lokali li mxew tul it-toroq ewlenin tal-Belt Victoria. Diversi kunsilli lokali organizzaw attivitajiet oħrajn fil-lokalitajiet rispettivi u b’hekk komplew iżidu l-attrazzjoni karnivaleska f’Għawdex.
Eluf ta’ Maltin qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex biex jingħaqdu mal-Għawdxin fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival fil-gżira ta’ Għawdex. Filwaqt li kienu bosta l-Maltin li rritornaw lura Malta matul il-jum tal-Ħadd, oħrajn għażlu li jibqgħu jgawdu l-aħħar jumejn tar-renju tar-Re tal-Karnival 2012.
Il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex jiġi organizzat kull sena mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en