AKTAR ORGANIZZAZZJONIJET MALTIN JINGĦATAW PROPJETA’ PUBBLIKA
Il-Malta Red Cross hija waħda mill-organizzazzjonijiet li qed tingħata propjeta’ pubblika mill-Gvern Ċentrali. Dan wara li għaddiet rizoluzzjoni b’mod unanimu mill-Parlament sabiex 15-il għaqda jingħataw art pubblika mill-Gvern.
F’ċerimonja li saret dalgħodu bejn rappreżentanti tal-Malta Red Cross u l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji ż-Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, ġie ffirmat kuntratt ta’ ħmistax-il sena b’kirja nominali. Il-Ministru Azzopardi saħaq illi organizzazzjoni bħalma hi dik tal-Malta Red Cross għandha jkollha post addattat u xieraq minn fejn tkun tista’ topera u toffri s-servizzi tagħha.
Is-Sur Robert Brincau, Director of Operations tal-Malta Red Cross, spjega li bħalissa l-organizzazzjoni għandha fi ħdanha ‘il fuq minn 400 membru, u mal-50 voluntier li l- eta tagħhom tvarja bejn is-16 u s- 70 sena.
“Pajjiżna huwa kburi li jħaddan fih nies daqstant dedikati għall-volontarjat. Dan iwassal għall-ġid kommuni fost il-kommunita Maltija u Ghawdxija.”, saħaq il-Ministru Azzopardi.
Il-propjeta’ li tkejjel 1616 metru kwadru, issa se tinbidel f’ċentru ewlieni minn fejn tkun tista’ topera il-Malta Red Cross. Iċ-ċentru se jkun qed jilqa’ fih diversi setturi fosthom id-dipartiment tal-Ambulanzi. Il-post se jservi wkoll bħala ċentru ta' taħriġ għall- voluntiera kollha kif ukoll se jigu organizzati diversi sessjonijiet ta’ tahrig tal-First Aid għall-pubbliku in generali.
Il-Malta Red Cross bħalissa għandha seba' ambulanzi li bihom tassisti lid-Dipartiment tas-Saħħa kemm f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kif ukoll f'avvenimenti oħra li jkunu ppjanati.
Is-Sur Brincau qal li l-organizzazzjoni ingħatat karrozza tal-linja minn Transport Malta sabiex din tinbidel f'mobile clinic u b’hekk tifforma parti mid-dipartiment tal-kura tas-saħħa li tħaddan fiha l-Malta Red Cross. Il-Ministru Azzopardi laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar u saħaq illi din se ssarraf f’ġid ta’ aktar riżorsi utli għall-istess organizzazzjoni.
Ir-Red Cross tarma wkoll kliniċi oħra li jistgħu jilqgħu fihom sa 120 sodda, kif ukoll tassisti lid-dipartiment tal-Protezjoni Ċivili, kif ukoll lid-dipartiment tal-Water Rescue permezz ta’żewġ dgħajjes u dak tal-Land Rescue b'erba' vetturi oħra.
Is-Sur Brincau spjega wkoll li bħalissa, il-Malta Red Cross għandha applikazzjoni pendenti mal-MEPA sabiex tibni struttura oħra li fiha eventwalment jinbnew diversi garaxxaijiet kif ukoll kmamar li fihom isir taħriġ lill-voluntiera. B’kollox dan l-investiment se jiswa madwar nofs miljun ewro. L-Ministru Azzopardi qal li l-għotja ta’ din il-propjeta’ se jkun strumentali sabiex il-Malta Red Cross tkabbar l- investiment tagħha.
Fl-aħħarnett il-Ministru Azzopardi rringrazzja lill-volontiera għax-xoghol siewi li kontinwament iwettqu b’mod speċjali rringrazzjahom għall-għajnuna li taw fl-operazzjoni ta’ salvataġġ fil-Libya, kif ukoll awgura lill-Malta Red Cross sabiex permezz ta’ din il-propjeta’, tkun tista’ taqdi aħjar il-funzjonijiet tagħha għall-ġid tal-volontarjat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en