TALBA BIEX IL-BANCA GURATALE TIĠI ALLOKATA LILL-KUNSILL LOKALI TAL-IMDINA
Il-Kunsill Lokali tal-Imdina ressaq talba sabiex il-binja msemmija bħala l-Banca Guratale tiġi allokata lil dan il-Kunsill bħala sede għall-Uffiċċju Amministrattiv.
Waqt laqgħa mal-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari Carm Mifsud Bonnici, delegazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Imdina mmexxija mis-Sindku Peter J. dei Conti Sant Manduca spjegat li l-binja li bħalissa qed jokkupa l-Kunsill mhux qed isservi biex taqdi l-funzjonijiet meħtieġa. Il-Kunsill għalhekk ippreżenta lill-Ministru rapport dettaljat dwar il-Banca Guratale li jinkludi dettalji tar-restawr meħtieġ biex tkun tista’ tintuża bħala uffiċċju amministrattiv.
Punti oħra li tqajmu waqt din il-laqgħa kienu l-andament tal-Kunsill Lokali u s-sitwazzjoni finanzjarja fejn issemmew diversi proġetti li l-Kunsill nieda u li hemm il-ħsieb li jniedi fil-futur qarib intenzjonati sabiex jassiguraw ambjent aħjar għar-residenti ta' din il-lokalità. Issemmiet ukoll l-attività tal-Festival Medjevali li jittella' kull sena mill-Kunsill u li din s-sena ser isir fix-xahar t’ April.
Fl-aħħar tal-laqgħa l-Ministru rringrazza lill-Kunsill għax-xogħol siewi li qiegħed iwettaq u ħeġġu jibqa miexi fuq l-istess passi biex jassigura li r-residenti jkunu moqdija kif jixraq.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en