AKTAR ĦADDIEMA JIDĦLU F’IMPJIEG B’RIŻULTAT TAL-INIZJATTIVI TAL-GVERN
L-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern biex jinħolqu aktar impjiegi u biex aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol qed jagħtu riżultati.
Bejn Settembru 2010 u Settembru li għadda l-ħaddiema jaħdmu bi qligħ żdiedu bi 3,311 li 70% minnhom huma impjiegi full time. Matul l-istess perjodu l-impjiegi full time żdiedu b’2,305 u dawk part time żdiedu b’1,006.
L-aktar żieda fl-impjiegi kienet riżultat ta’ aktar nisa fis-suq tax-xogħol, li żdiedu b’2,714, l-aktar fil-qasam tas-saħħa u dak soċjali, l-edukazzjoni u attività ta’ negozju.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina, qalet li l-Gvern qed jieħu diversi inizjattivi fil-qasam tax-xogħol u biex iħajjar aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Hi qalet li l-Gvern qed jagħti tnaqqis fl-income tax lill-ommijiet li jibqgħu f’impjieg wara li jkollhom it-tfal u lill-ommijiet li jidħlu f’impjieg wara li jkunu ilhom neqsin mid-dinja tax-xogħol.
Hi qalet ukoll li l-Gvern qed iżid ic-Childcare Centres u l-ġenituri li jibagħtu lit-tfal f’dawn iċ-ċentri qed iħallsu anqas income tax. Dolores Cristina żiedet li l-Gvern qed jiftaħ ukoll Ċentri 3 – 16 fejn it-tfal jieħdu sehem fi programmi edukattivi wara l-ħin tal-iskola. Dawn huma kollha inizjattivi li qed iwasslu biex ir-rata ta’ nisa f’impjieg tiżdied. Barra minn hekk il-Gvern qed joħroġ skemi biex iħajjar aktar investiment ġdid f’pajjiżna li qed jirriżulta f’aktar xogħol u impjiegi għall-ħaddiema.
73% tal-impjiegi kollha jipprovdihom is-settur privat filwaqt li 27% biss huma fis-settur pubbliku.
F’Għawdex kien hemm żieda ta’ 2.6% fl-ammont ta’ ħaddiema u llum hemm 11,374 persuna jaħdmu f’Għawdex, żieda ta’ 285 persuna jaħdmu fuq Settembru 2010.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en