IŻ-ŻMIEN TA’ STENNIJA GĦALL-OPERAZZJONIJIET TAL-KATARETTI JITNAQQAS MINN ĦAMES SNIN GĦAL SENA U NOFS
579 persuna tagħmel l-operazzjoni tal-kataretti fil-privat imħallsa mill-Gvern
Grazzi għal ħidma bl-iskop li jkompli jonqos iż-żmien ta’ stennija għall-operazzjonijiet, fi żmien sena tnaqqas drastikament iż-żmien ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-kataretti. Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Joe Cassar, ħabbar li ż-żmien ta’ stennija għall-operazzjonijiet tal-kataretti tnaqqas minn ħames snin għal sena u nofs.
Dan seħħ ukoll grazzi għal ftehim li l-Gvern għamel mal-privat. Waqt żjara fil-Klinika Saint Anne’s, il-Ministru Joe Cassar ħabbar li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim 579 persuna bbenfikaw minn operazzjoni tal-kataretti b’xejn fil-Klinika Saint Anne’s u l-Isptar Saint James. Fl-istess waqt in-numru ta’ operazzjoniet tal-kataretti fl-Isptar Mater Dei kompla jiżdied.
Il-Ministru Joe Cassar qal li matul is-sena li għaddiet fl-Isptar Mater Dei kienu saru total ta’ 2,438 operazzjoni tal-kataretti, li fil-fatt diġà kienet żieda fuq is-sena 2010. Il-Ministru Cassar ħabbar ukoll, li minkejja li ż-żieda fl-operazzjonijiet li saru fl-2011 kienet waħda sostanzjali, in-numru ta’ operazzjonijiet tal-kataretti li saru fl-Isptar Mater Dei matul Jannar 2012 diġa huwa aktar minn dawk li saru f’Jannar 2011. Fil-fatt f’Jannar ta’ din is-sena saru 263, filwaqt li f’Jannar 2010 kienu saru 199.
Joe Cassar qal ukoll li filwaqt li bħal dan iż-żmien sena kien hemm 5,600 persuna jistennew biex issirilhom l-operazzjoni tal-kataretti, din is-sena hemm 3,735. Dan l-aħħar numru jinkludi wkoll każijiet ġodda li jiżdiedu mal-lista kuljum. Bħalissa qed isiru operazzjonijiet lil persuni li daħlu fil-lista f’Awwissu, Settembru u Ottubru tal-2010.
Dan huwa r-riżultat ta’ serje ta’ inizjattivi li ttieħdu bis-sehem tal-professjonisti varji. Il-Ministru fakkar li b’kollox, fl-Isptar Mater Dei fl-2011 saru total ta’ 43,747 operazzzjoni, li tfisser żieda ta’ 1,952 fuq is-sena 2010 u żieda ta’ 11,000 operazzjoni fuq l-aħħar sena sħiħa tal-Isptar San Luqa.
Fi tmiem l-attività, il-Ministru Joe Cassar ħabbar li l-Gvern se jkun qiegħed jinvesti fi ftehim ieħor mal-privat, din id-darba dwar proċeduri Arthroscopy u Arthroscopic Surgery.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en