TITNIEDA L-POLITIKA NAZZJONALI DWAR L-AMBJENT
Il-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent li tnediet llum mill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco hija r-riżultat ta’ proċess wiesa ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha. Il-proċess ta’ konsultazzjoni kien maqsum fi tliet fażijiet: l-ewwel biex ġew identifikati l-oqsma ewlenin li l-politika għandha tiffoka fuqhom, imbgħad biex ġew żviluppati l-proposti għal dawn l-oqsma u l-aħħar fażi li kienet tikkonsisti fit-tnedija ta’ Abbozz tal-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent li kien ippublikat għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru li għadda. Is-suġġerimenti kollha li nġabru minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ġew analizzati biex sar id-dokument finali tal-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent. Matul il-proċess sar ukoll studju għar-riżorsi finanzjari (costing study) meħtieġa għall-implimetazzjoni tal-proposti fil-politika. Minn dan l-istudju jirriżulta li l-ammont totali għall-implimentazzjoni tal-proposti sal-2020, tilħaq €2.1 biljun. Dan l-ammont ifisser investiment fl-ambjent, fis-saħħa u fil-kwalità tal-ħajja tagħna, fost oħrajn. 88% minn dan l-ammont finanzjarju diġa’ ġie allokat.
Il-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent hija bbażata fuq sitt oqsma ewlenin. Dawn huma l-green economy, il-ħarsien tas-saħħa ambjentali; l-użu tar-riżorsi b’mod effiċjenti u sostenibbli; it-titjib tal-ambjent lokali; l-ambjent f’Għawdex, u s-sostenibilità ambjentali. Sabiex jiġu miksuba dawn l-għanijiet, il-Politika tinkludi sett ta’ inizjattivi speċifiċi, li huma mkejla u marbuta biż-żmien u li huma marbuta wkoll ma’ mekkaniżmu b’saħħtu ta’ monitoraġġ.
Il-Ministru Mario de Marco qal li dan id-dokument huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern lejn it-tisħiħ tal-ambjent u s-sostenibilità, li huma oqsma li jwasslu għal saħħa aħjar, kwalità ta’ ħajja aħjar u li huma meħtieġa biex pajjiżna jkompli jattira l-investiment u joħloq l-impjiegi.
Mario de Marco saħaq li din il-politika ambjentali għandha l-għan li tassigura livell għoli ta’ kwalità ambjentali fil-Gżejjer Maltin, u dan għaliex tippromwovi l-integrazzjoni ta’ inizjattivi ambjentali f’diversi setturi oħra li huma marbuta mal-ambjent, it-titjib fil-koordinazzjoni fost l-istakeholders konċernati, u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi fil-politika li fiha nnfisha toffri direzzjoni u viżjoni komuni għas-settur ambjentali.
Minbarra li tirrikonoxxi l-obbligi internazzjonali li pajjiżna għandu għall-qasam ambjentali, il-politika tmur lil hinn minn dawn l-obbligi u tindirizza wkoll oqsma nazzjonali li mhumiex rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu oqsma bħall-istorbju minn sorsi domestiċi, it-trab, kif ukoll oqsma oħra marbuta mal-ambjent lokali.
Il-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent tista’ tinsab fuq www.tsdu.gov.mt/environment-nep. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi tintbagħat e-mail lil envpolicy.mtce@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en