DAR IL-GVERNATUR FID-DAĦLA TAL-BELT VICTORIA RESTAWRATA U SER TKUN TISTA’ TITGAWDA MILL-PUBBLIKU
Dar storika fid-daħla tal-Belt Victoria ġiet mgħoddija mid-Dipartiment tal-Artijiet lill-Ministeru għal Għawdex li min-naħa tiegħu għaddiha lill-għaqda volontarja Wirt Għawdex li ser tużaha bħala l-uffiċċju ewlieni tagħha. Dan sar b’riżultat ta’ ftehim iffirmat bejn il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono u l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur l-Onor. Jason Azzopardi, u ta’ ftehim ieħor bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-għaqda Wirt Għawdex irrappreżentata mill-President is-Sur Franco Masini.
Il-proġett ta’ bini mill-ġdid u twessiegħ tat-triq li mix-Xewkija tagħti għar-Rabat li għaddej bħalissa, kien jesiġi li din id-dar, li hija landmark ewlenija fid-daħla tal-Belt Victoria, tinħatt u terġa’ tinbena aktar il-ġewwa. Dar il-Gvernatur inħattet u reġgħet inbniet mill-ġdid bl-istess ġebel li ġie nnumerat. L-arkitettura ta’ din id-dar għandha karatteristiċi tipiċi tas-seklu 18. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ restawr, din id-dar saret aktar aċċessibbli u ser tkun tista’ titgawda aktar mill-pubbliku.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, uriet is-sodisfazzjon għall-mod kif tmexxa x-xogħol biex filwaqt li seta’ jsir it-twessiegħ tat-triq permezz tal-proġett il-ġdid, ma ntilef xejn mill-wirt storiku rrappreżentat minn din id-dar li hija ddeskriviet bħala ‘ġojjel li ser ikompli jżid mas-siti storiċi li joffri Għawdex’. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li tinsab ċerta li l-għaqda Wirt Għawdex ser tmexxi Dar il-Gvernatur b’impenn u responsabilità kif tagħmel f’siti oħra madwar Għawdex li matul iż-żmien ġew mgħoddija taħt ir-responsabilità ta’ din l-għaqda. “Meta nipproteġu l-patrimonju storiku imprezzabbli ta’ pajjiżna, inkunu qed insaħħu l-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi, u nuru li aħna kburin bil-gżejjer tagħna”, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
L-Onor. Jason Azzopardi, Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur qal illi l-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ sabiex ikompli jalloka aktar art pubblika lil diversi għaqdiet volontarji. Huwa saħaq li l-għaqda Wirt Għawdex jixraqilha post adekwat minn fejn din tkun tista’ topera, sabiex tħaddan u tippromwovi l-wirt kulturali Għawdxi.
Skont it-tradizzjoni, din id-dar tas-seklu 18, kienet tappartjeni lill-Gvernatur ta’ Għawdex u kienet tintuża meta l-Gran Mastru jew xi personalitajiet distinti kienu jżuru l-gżira Għawdxija. Dan sabiex qabel jidħlu fil-belt tal-gżira kienu jistgħu jbiddlu u jirrifreskaw irwieħhom f’din id-dar, wara t-tul u l-iskumdità tal-vjaġġ f’dawk iż-żminijiet. Il-Ministeru għal Għawdex għandu diversi arranġamenti oħra mal-għaqda Wirt Għawdex, li huma marbuta ma’ siti storiċi oħra f’Għawdex. Permezz ta’ dawn il-Management Agreements u l-voluntiera ta’ Wirt Għawdex dawn is-siti qed ikunu jistgħu jinfetħu b’mod regolari għat-tgawdija tal-pubbliku.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en