TNEDIJA MILL-ĠDID TAL-ARTS SCHOLARSHIPS - 1543 SCHOLARSHIP B’INVESTIMENT TA’ €15-IL MILJUN F’SITT SNIN
Fl-aħħar sitt snin il-Gvern investa madwar €15 miljun biex ta 1,543 borża ta’ studju lil studenti Maltin li xtaqu jkomplu jistudjaw f’diversi oqsma.
Dan qalitu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina meta l-lejla nidiet mill-ġdid l-iskema ta’ Boroż ta’ Studju fl-Arti, f’ċerimonja li saret fl-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta.
Il-Ministru fissret li dan kien mument importanti għax il-Gvern kien qed jerġa’ jagħti opportunita’ u jgħin żgħażagħ Maltin u Għawdxin li għandhom talent u potenzjal biex jispeċjalizzaw f’xi forma ta’ arti performattiva, fl-oqsma tat-teatru, il-mużika, iż-żfin, id-disinn, kitba kreattiva, films u l-arti viżiva.
Kien tliet snin ilu li twaqqfet l-iskema ta’ Boroż ta’ Studju fl-Arti, biex studenti li jixtiequ jispeċjalizzaw f’dan is-settur, ikollhom l-istess opportunitajiet bħal studenti li jridu jkomplu jistudjaw f’oqsma oħra, li għalihom hemm ħafna opportunitajiet fi skemi oħra ta’ Scholarships li dan il-Gvern qed jagħti. Il-Gvern xtaq li l-artisti jkollhom opportunita’ u għajnuna tanġibbli biex il-ħolma tagħhom issir realta’.
Meta fl-2010 tnediet għall-ewwel darba din l-iskema, kien sar investiment ta’ €200,000 fis-sena. F’dawn l-aħħar sentejn kien hemm aktar minn 100 applikazzjoni u ngħataw total ta’ 24 Scholarship fl-Arti.
Meta deher li l-livell tal-applikanti qiegħed ikun wieħed għoli ħafna, u n-numru tagħhom qed jiżdied, il-Gvern iddeċieda li minn din is-sena iżid l-investiment f’din l-iskema b’20% oħra, biex issa se jkollna fond ta’ €240,000 fis-sena. Din hija prova oħra ta’ kemm il-Gvern jemmen fl-edukazzjoni għolja taż-żgħażagħ tagħna.
Dan juri wkoll l-impenn tal-Gvern li jgħin u jinċentiva żgħazagħ li jixtiequ jkomplu jistudjaw u jispeċjalizzaw f’oqsma li jħossu li jistgħu jimxu l’quddiem fihom. Fil-fatt f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern investa aktar minn €15-il miljun fi skemi ta’ scholarships.
Il-Gvern qed jinvesti ħafna biex jagħti u jkabbar l-opportunitajiet liż-żagħżagħ tagħna, li sa ftit snin ilu, għal xi borża ta’ studju kienu jiddependu kważi esklussivament fuq skemi offruti minn gvernijiet u organizzazzjonijiet barranin.
Fl-2006 bdejna nagħtu scholarships għal min ried jagħmel dottorat taħt l-iskema tal-Malta Government Scholarship Scheme (MGSS). Fl-2007 kienet introdotta wkoll skema ta’ Scholarships għall-livell tal-Undergraduate – għal studenti li riedu jkomplu jistudjaw għal degree f’istituzzjonijiet approvati f’Malta jew barra minn Malta. Fl-2009 infetħet wkoll l-iskema tal-iSTEPS għall-Masters u Dottorat – b’fondi tal-Unjoni Ewropea.
S’issa ingħataw total ta’ 202 Scholarship li jwassal għad-dottorat; 685 scholarship lil studenti biex jagħmlu Masters; u 632 scholarships ieħor fil-livell Undergraduate. Dawn flimkien mal-24 Scholarship li tajna s’issa jlaħħqu għal total impressjonanti ta’ 1543 Scholarship b’investiment ta’ kważi €15-il miljun.
F’mument meta ħafna pajjiżi qed jintroduċu miżuri ta’ awsterita’ u jnaqqasu l-infieq, f’Malta għax il-Gvern ħadem b’mod għaqli biex isaħħaħ l-ekonomija, din is-sena se nkunu qed inżidu l-investiment fl-iScholarships, fejn ser naraw il-fond tal-MGSS kważi jirdoppja - minn €466,000 għal €900,000; l-Arts Scholarships se jiżdiedu b’€40,000, u l-ġimgħa l-oħra tħabbret l-iskema tal-iScholarships fl-iSports, b’fond ta’ €120,000. Din hi nefqa ta’ madwar €600,000 aktar mill-2011, għal total ta’ madwar €3.5 miljun li se jingħataw fi scholarships fl-2012. Dawn jinkludu madwar €1.8 miljun fl-iSTEPS; €900,000 fl-MGSS; €240,000 fl-iScholarships tal-Arti; €120,000 fl-iskema tal-ischolarships tal-iSports; u MGSS-Undergraduate li fl-2011 ammontaw għal madwar €820,000.
Il-Ministru Cristina sostniet li l-aktar investiment importanti li jista’ jagħmel pajjiż huwa fl-edukazzjoni. Il-Gvern għaraf din il-prijorita’ u eżempju ċar ta’ dan hu l-investiment qawwi anke fil-qasam tal-iScholarships.
Wieħed irid jifhem li l-iScholarships m’humiex stipendji. Filwaqt li l-istipendji qegħdin hemm għal kulħadd – u hekk se jibqgħu - l-ischolarships huma fondi li jintrebħu wara selezzjoni kompetittiva fejn mhux kull min japplika se jieħu.
Fl-aħħarnett il-Ministru Cristina awgurat lill-applikanti, anke lil dawk li sfortunatament ma jiġux magħżula, ħafna suċċess fil-karriera tagħhom u xtaqitilhom li jsibu s-sodisfazzjon aħħari tagħhom, filwaqt li jużaw it-talenti u l-istudji li jagħmlu għall-ġid tal-komunita’u rringrazzjat lil dawk kollha li jagħtu sehmhom biex jamministraw dawn l-iskemi b’suċċess.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en