Left arrow Go Back

IL-GVERN JGĦIN LIL AKTAR KUMPANNIJI SABIEX JIĠĠENERAW AKTAR IMPJIEGI

pr0319
Date Icon 14/02/2012

“Il-Gvern qed ikompli jaħdem sabiex jinċentiva kumpanniji żgħar u medji sabiex permezz ta’ diversi skemi mħabbra mill-Gvern, tiġi mogħtija l-għajnuna neċċessarja li jkollhom bżonn sabiex  jibdew in-negozju tagħhom jew ittejbu l-operat tal-kumpannija”. Dan qalu dalgħodu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, meta kien qed iżur il-kumpannija Mifsud Garage Ltd illi bbenefikat mill-iskema tal-Micro Invest. Din il-kumpannija hija waħda mill-mijiet ta’ kumpanniji żgħar illi qed jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ tax credit, sabiex itejbu l-operat tagħhom.  Waqt li dalgħodu kien qed iżur l-uffiċċji tal-Kumpannija li jinsabu fil-Birgu, il-Ministru Azzopardi saħaq dwar l-importanza li aktar kumpanniji japplikaw u jibbenefikaw minn diversi skemi tal-Gvern immirati għan-negozji.

Permezz tal-iskema tal-Microinvest fejn kumpannija tingħata ċertifikat ta’ kreditu li jkun ekwivalenti għall-40% tal-investiment li jkun sar, Mifsud Garage Ltd setgħet ittejjeb l-operat tagħha u timpjega 2 ħaddiema oħra fuq bażi full time. Dan għaliex permezz ta’ din l-iskema, jingħata wkoll kreditu ta’ taxxa fuq il-pagi ta’ impjegati ġodda. “L-għan aħħari ta’ dawn l-iskemi huwa sabiex ntejbu l-ekonomija f’pajjiżna u niġġeneraw aktar xogħol  fost in-negozji”, saħaq Azzopardi.

Il-Ministru spjega wkoll dwar is-servizz ġdid li ġie varat ftit żmien ilu bl-isem ta’ Business First, fejn imprenditur li għadu ħa jiftaħ in-negozju tiegħu jkun jista’ jinqeda faċilment għal kulma jkollu bżonn minn post wieħed. Huwa spjega kif minn mindu twaqqaf dan is-servizz jiġifieri minn Jannar li għadda, ġew irregġistrati 557 domanda, 168 telefonata permezz tal-linja 144 kif ukoll saru madwar 100 appuntament. Huwa qal li s-servizz jidher li qed jeċċella fost in-negozji għaliex ħafna kellhom kliem ta’ tifħir għal dan is-servizz.

Il-kumpannija  li ilha topera għal dawn l-aħħar sittin sena toffri servizz  ta’ karrozzi bix-xuffiera, kif ukoll tipprovdi servizz ta’ mini vans, transfers tal-ajruport, trasport għall-iskejjel u servizz ta’ coaches.

Is-Sur Anthony Gellel, wieħed mid-diretturi tal-kumpannija spjega li l-kreditu li rċevew permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-Malta Enterprise, seta’ jiġi utilizzat sabiex l-kumpannija tinvesti f’aktar bżonnijiet li kienet tirrekjedi. Fost l-affarijiet li ġew investiti, il-kumpannija għamlet sistema ġdida ta’ PABX tat-telefon, twaħħlet sistema ġdida tal-alarm, ġiet installata sistema ġdida tal-komputers, sistema ġdida ta’ arja kundizzjonata, inxtrat għamara ġdida għall-uffiċċji l-godda kif ukoll inxtara makkinarju ieħor li jintuża għall-użu ġenerali taf-uffiċċji. Is-Sur Gellel spjega kif il-kumpannija din is-sena se tkun qed terġa’ tapplika sabiex terġa’ tibbenefika minn din l-iskema, ħalli b’hekk il-kumpannija tkompli tinvesti fl-interess tan-negozju kif ukoll tal-impjegati tagħha.

Il-Ministru Azzopardi spjega kif permezz ta’ din l-iskema, in-numru tal-impjegati fi ħdan kumpanniji żgħar żdied. Qal ukoll li permezz tal-Microinvest gawdew aktar minn 730 negozju li investew kważi €10 miljun u li ngħataw madwar €4.5 miljun f’tax credits. Spjega wkoll li permezz tal-iskema tal-Micro Credit fejn qed jiġu pprovduti loans issusidjati lill‐intrapriżi Maltin u Għawdxin, in-numru tan-negozji li bbenefikaw kien jammonta għal 181 sal-aħħar ta’ Diċembru 2011. Bejniethom dawn in-negozji investew madwar €24 miljun u ħadu madwar €16-il miljun f’loans.

Fl-aħħarnett il-Ministru Azzopardi awgura lill-kumpannija sabiex tikseb aktar suċċċess fin-negozju tagħha u saħaq illi kemm in-negozji żgħar u dawk kbar huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Huwa ħeġġeg lin-negozjanti sabiex ma jagħtux każ lil min qed jipprova jaqtgħalhom qalbhom u jxekkel ix-xogħol tagħhom iżda għandhom jemmnu fil-potenzjal tal-kumpanniji tagħhom u jagħmlu użu għaqli tal-iskemi offruti mill-Gvern.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow