STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
Il-PL ikompli jħawwad dwar l-Edukazzjoni
Il-Partit Laburista qed ikompli jmeri s-sewwa magħruf dwar l-edukazzjoni f’Malta f’attentat iddisprat biex jipprova jtappan ir-riżultati tajba li qed jinkisbu f’dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna.
F’konferenza stampa li għamel illum Owen Bonnici, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Ogħla, Universita’, Riċerka u Kultura, kompla jipprova jitfa’ dubju fuq is-suċċess fil-qasam edukattiv billi jinterpreta ċ-ċifri b’mod żbaljat.
Owen Bonnici għamel riferenza għal dak li qal il-Ministru Chris Said dwar ir-rata ta’ studenti li jkomplu l-istudju f’pajjiżna fejn sostna li l-perċentaġġ ta’ dawn żdied minn 45.8% għal 63.1%, żieda ta’ 17.3% fi żmien ħdax-il sena. Dawn iċ-ċifri jirriżultaw mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u jirreferu għal dawk iż-żgħażagħ li għandhom bejn 18 u 24 sena u li komplew l-istudji tagħhom jew temmew b’suċċess edukazzjoni f’livell ogħla mis-sekondarja.
L-istess kelliem Laburista qal li dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li qal ftit ilu l-Prim Ministru waqt żjara fl-Iskola Sekondarja Ogħla meta qal li n-numru ta’ żgħażagħ li komplew jistudjaw żdied minn 43% għal 73%. Din l-istatistika toħroġ minn stħarriġ li tagħmel il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla. Owen Bonnici qed iħawwad żewġ ċifri kompletament differenti. Dak li rrifera għalih il-Prim Ministru hu n-numru ta’ persuni li għandhom 17-il sena li qed jagħmlu studji post-sekondarji li wkoll żdiedu. Dawn żdiedu bi 30% fi 12-il sena.
Il-kelliem Laburista qal ukoll li r-rata ta’ drop outs (studenti li jibdew kors u ma jkompluhx) fl-MCAST hi ta’ 20%. Dan hu żbaljat. Fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28352 li kien għamel Evarist Bartolo, kelliem Laburista għall-Edukazzjoni, il-Ministru Dolores Cristina kienet qalet li l-persentaġġ ta’ studenti li bdew is-sena akkademika 2010/2011 u ma spiċċawx is-sena kien ta’ 11.74%.
Dan juri kemm il-PL qed jipprova jqarraq dwar l-edukazzjoni biex jittanta jnaqqas mill-ħidma kbira li qed issir f’dan il-qasam.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en