Left arrow Mur Lura

GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ L-GĦOTI TAL-‘PREMJU FAMILJA QALB TAD-DEHEB 2011’, IS-SIBT 11 TA’ FRAR 2012

pr0296
Date Icon 12/02/2012

“Huwa dejjem ta’ pjaċir għalija niġi nżur il-gżira sabiħa ta’ Għawdex, aktar u aktar għal okkażjoni sabiħa bħal din meta l-Moviment ta’ Kana jagħti rikonoxximent lil xi familja li tkun iddistingwiet ruħha permezz ta’ xi att umanitarju li tkun wettqet.” Hekk qal il-President George Abela waqt li ppresieda l-premju qalb tad-deheb organiżżat għall-41 darba mill-Moviment ta' Kana.

Għal din l-okkażżjoni kienet preżenti wkoll il-Ministru għall-Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, l-Onorevoli Ministru Chris Said u l-ET Mons. Isqof Mario Grech.

Fil-messaġġ tagħha, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, fissret kif każi bħal dawk tal-familja Xuereb huma eżempju ċar tal-valur tal-familja li tibqa’ magħquda minkejja diffikultajiet u pressjonijiet mhux mistennija. Hija faħħret is-solidarjetà li din il-familja rċeviet mill-membri tal-komunità li tagħmel parti minnha filwaqt li tkellmet dwar ir-responsabiltà tas-soċjetà li f’dan il-każ issarfet f’servizzi mediċi u għajnuna minn għaqdiet mhux governattivi. Il-Ministru Debono fakkret ukoll lil dawk il-familji li ġew innominati li flimkien mal-familja Xuereb ilkoll ħaqqhom ammirazzjoni u sostenn fid-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum.

Il-President Abela qal li jgħaddi kemm jgħaddi żmien u jsir kemm isir tibdil fis-soċjetà, il-familja tibqa’ dik iċ-ċellola li, flimkien ma’ familji oħra, huma essenzjali biex nibnu soċjetà b’saħħitha li tgħożż il-valuri l-aktar sbieħ taċ-ċiviltà tagħna.

“Ħafna jgħidu li l-familja tal-lum hija mgħedda għax daħlu ideat ġodda fuq id-definizzjoni nnifisha ta’ x’jikkostitwixxi familja. Jiena llum ma nixtieqx nidħol f’kontroversji dwar għamliet ġodda ta’ familja.  Ngħid biss li familja tingħaraf li hi familja minn kemm ikun hemm għaqda u għożża bejn il-kostitwenti tal-familja kemm fil-mumenti ta’ hena u kemm fil-mumenti ta’ niket, f’siwazzjonijiet ta’ ġid u f’sitwazzjonijiet ta’ għawġ, kemm ikun hemm solidarjetà bejn il-membri tal-familja, kemm lesti jgħinu lil xulxin għall-ġid tagħhom u, finalment, għall-ġid komuni tas-soċjetà kollha.

“Jekk is-soċjetà tagħna trid tkun soda u tkompli timxi ‘l quddiem, jeħtieġ li jkollna familji magħquda li lesti jaffrontaw id-diffikultajiet li kull familja tiltaqa’ magħhom fid-dinja moderna.  Il-familji jridu jagħmlu dan b’kuraġġ u b’fiduċja fil-futur, speċjalment tal-ulied.  Iridu jkunu konsistenti fl-għaqda bejn il-membri tal-familja, persistenti u deċiżi li ma jċedux mal-ewwel saram li jinqala’.  Irid ikollna familji li japprezzaw il-vantaġġi li toffri familja – l-istabilità ekonomika u emozzjonali, l-għajnuna reċiproka – u ma jingħelbux mit-tentazzjoni li jinfirdu mingħajr ma jagħmlu sforz kontinwu ħalli jżommu l-għaqda ta’ bejniethom.

“Kull għajnuna mill-istat biex issostni l-familji fid-diffikultajiet tagħhom, anki dawk ekonomiċi, hija mhux biss ta’ min jinkoraġġiha imma hija indispensabbli.  Is-saħħa tal-istat mhix biss ibbażata fuq l-istabilità politika u ekonomika imma wkoll fuq l-armonija soċjali li tiddependi ħafna fuq familji sodi għax huma dawn li jrabbu u jedukaw ċittadini responsabbli li jikkontribwixxu ekonomikament u moralment lis-soċjetà kollha kemm hi.  M’hemmx investiment aktar utli minn dak li jsir ħalli jgħin lill-familji.

“Jiena għalhekk naħseb li l-idea wara dan il-premju hija f’waqtha ħafna għax hija turija li s-soċjetà tirrikonoxxi l-kontribut li tista’ tagħti familja tajba lis-soċjetà kollha kemm hi, mhux l-anqas fil-qasam tal-volontarjat.  Tajjeb li jkollna premjijiet għall-kisbiet fl-isports jew il-kultura jew xi qasam ieħor imma huwa ta’ inkoraġġiment qawwi li nagħrfu s-siwi li għandha familja tajba u eżemplari, f’kelma waħda, familja b’qalb tad-deheb.

“Aħna xxurtjati li għad għandna ħafna u ħafna familji li huma sodi u jagħmlu xogħol kbir fis-skiet ta’ darhom biex irabbu l-ulied u lesti jagħmlu anki sagrifiċċji biex jassiguraw futur deċenti lill-membri kollha tal-unità familjari. Mhux biss il-futur tat-tfal imma anki l-futur ta’ membri aktar anzjani.  Tajjeb li jkun hemm solidarjetà sħiħa bejn il-ġenerazzjonijet kollha tal-familja estiża, bejn il-ġenituri u l-ulied u bejn in-nanniet u n-neputijiet.  M’għandniex nitilfu l-għożża tradizzjonali bejn ġenerazzjoni u oħra u nafdaw biss f’idejn l-istat biex jieħu ħsieb l-anzjani tagħna.  Illum meta l-ħajja twalet, l-anzjani għandhom l-opportunità li jqattgħu aktar żmien twil mal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u dan jista’ jkun ta’ ġid kbir jekk iż-żgħażagħ jagħrfu jżommu relazzjoni ta’ mħabba u ħbiberija ma’ dawk li ġew qabilhom u jistgħu jaqsmu magħhom l-esperjenza tal-ħajja.

“Nagħlaq dan l-intervent qasir tiegħi billi nifraħ lill-familja rebbieħa ta’ dan il-premju għal din is-sena, nixtieqilha kull ġid għall-ġejjieni u nirringrazzja wkoll lill-familji l-oħra li, għalkemm ma rebħux il-premju xorta għandhom mertu għal dak li wettqu.  Jiena nħeġġeġ lill-familji kollha biex jieħdu l-eżempju tagħhom." Hekk temm jgħid il-President Abela, diskors li wkoll temm bih is-serata Premju Qalb tad-deheb.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow