€9 MILJUN INVESTITI FIL-BINI TA’ AKTAR GRAWNDS TAL-FUTBOL GĦAL ULIEDNA
Il-Gvern flimkien mal-Malta Football Association se jkunu qed jinvestu €9 miljun Ewro oħra biex sas-sentejn li ġejjin kull klabb tal-futbol f’Malta jkollu grawnd tiegħu jew tal-anqas jedd ta’ użu ta’ grawnd modern u b’ħaxix sintetiku fuq xiex jagħmel it-taħriġ tat-timijiet tiegħu. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fis-Centinary Stadium f’Ta’ Qali li kienet indirizzata mill-Onor Tonio Fenech, Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment u mill-Onor Clyde Puli Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport u l-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo
Ma’ dawn il-fondi, fis-sentejn li jmiss, tiżdied għajnuna ta’ madwar € 2 miljun oħra permezz ta’ diversi skemi ta’ assistenza fosthom sussidju tal-Gvern fuq kirjiet tal-art pubblika lill-klabbs membri tal-MFA, sussidju fuq użu ta’ faċilitajet sportivi tal-iskejjel, skemi ta’ kontra d-doping, xiri ta’ apparat u ħaddiema tas-settur pubbliku mislufa mall-MFA.
Il-Ministru Tonio Fenech sostna li l-investiment fl-isport huwa investiment fis-saħħa ta’ uliedna, fi kwalità ta’ ħajja aħjar. “Faċilitajiet akbar moderni u ta’ kwalità għolja jfissru riżultati aħjar mill-isportivi tagħna. Iżda jfissru wkoll li ż-żgħażagħ tagħna qed nibqgħu nattirawhom lejn attivitajiet li huma tajbin għal ħajjithom, ’il bogħod mill-vizzji, u b’hekk qed jingħata kontribut biex insaħħu l-qafas soċjali ta’ pajjiżna.” Huwa fakkar ukoll li dan huwa investiment importanti favur it-turiżmu sportiv, li huwa qasam importanti ieħor li f’pajjiżna qed jagħti kontribut għal tkabbir ekonomiku u postijiet tax-xogħol ġodda.
L-Onor Puli wera s-sodisfazzjon tiegħu li bis-saħħa ta’ dan l-investiment, kull klabb tal-futbol f’Malta se jkollu faċilitajiet moderni fejn jitħarrġu mijiet ta’ sportivi Maltin u aktar minn 9,000 tifel u tifla li hemm affiljati fin-nurseries tal-futbol. Huwa sostna li dan l-investiment mhux biss jawgura tajjeb għall-iżvilupp tal-logħba tal-futbol f’pajjiżna iżda wkoll għas-saħħa tal-poplu tagħna.
Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo qal li sentejn ilu l-MFA għamlet wiegħda biex it-tfal tan-nurseies jitħarrġu u jilagħbu f’ambjent sigur. Hu tenna li għalhekk l-MFA investiet, ġabet fondi mill-UEFA permezz tal-hat trick programme u daħlet bi sħab tal-Gvern biex jibdew isiru grawds tal-futbol bit-turf madwar Malta u Għawdex. Il-President tal-MFA saħaq li minkejja li l-MFA u l-Gvern qed jinvestu fil-klabbs tal-futbol dawn il-klabbs għandhom l-obbligu li jibbilanċjaw il-kontijiet tagħhom. Waqt id-diskors tiegħu hu ħabbar li fil-31 ta’ Marzu ta’ din is-sena se jżur Malta l-President tal-UEFA Michel Platini sabiex waqt iż-żjara tiegħu iżur dawn il-proġetti li saru u li qed isiru.
Mill-ftehim milħuq biex jinbnew grawnds godda bil-ħaxix sintetiku u b’faċilitajiet moderni, gawdew jew se jkunu qed igawdu: Kalkara FC, Żejtun Corinthians FC, Xgħajra Tornados FC, Għargħur FC, Marsascala FC, Gżira United FC, Dingli Swallows FC, Sirens FC, Valletta FC, u Msida St. Joseph FC. Swieqi FC, Senglea Athletics, Floriana FC, Luqa St. Andrews, Mdina Knights FC, Naxxar Lions, Ħamrun Spartans FC., Birżebbuġa St Peter’s, Santa Venera Lightings FC.
Ma’ dawn jiżdiedu l-klabbs ta’ Naxxar Lions FC; Mtarfa FC; Żejtun Corinthians; Lija Athletic; Balzan Youths FC; Qrendi FC; Marsascala FC; Gżira United FC; Msida SJ FC; Mġarr United FC; St Georges FC; Qormi FC; Swieqi United FC; Marsa FC; Cottonera United; Birżebbuġa Windmill; Senglea Athletics FC u Hibs Nursery li fis-sentejn li jmiss se jkomplu jgawdu minn grawnds tal-futbol fl-iskejjel.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en