Left arrow Mur Lura

IKTAR OPPORTUNITAJIET BIEX IN-NEGOZJI JIKBRU FI SWIEQ ĠODDA U JOĦOLQU AKTAR IMPJIEGI

pr0286
Date Icon 11/02/2012

Bħala parti mill-ħidma tal-Gvern biex jattira aktar investiment u postijiet tax-xogħol lejn pajjiżna, il-Malta Enterprise llum ippubblikat il-kalendarju tal-avvenimenti organizzati minnha barra minn Malta. Dan il-kalendarju jinkludi mhux biss avvenimenti fis-swieq li l-kumpaniji Maltin ilhom għal żmien twil jagħmlu n-negozju, bħall-Italja, il-Ġermanja u r-Renju Unit, iżda ukoll swieq oħra li fis-snin riċenti stabilixxew ruħhom mal-ewlenin fid-dinja bħaċ-Ċina, xi stati fil-Golf Għarbi, kif ukoll fil-Libja u t-Tuneżija li wara l-process ta’ demokratizzazzjoni qed joffru opportunitajiet godda ta’ kummerc.

Il-Ministru tal-Finanzji, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech ikkumenta li  “is-sidien tan-negozji li jirnexxielhom jiddiversifikaw mhux biss il-prodotti jew servizzi tagħhom iżda anki s-swieq li huma joperaw fihom għandhom iktar ċans li jkollhom suċċess u li jkomplu jikbru u joħolqu iktar opportunitajiet tax-xogħol peress li jkunu qed inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-istess sors għad-dħul tagħhom. Dan għadu jgħin biex inkomplu nsaħħu r-riżultati miksuba fl-2011 fl-oqsma tal-investiment u l-esportazzjoni, u li taw kontribut importanti biex ikomplu jinħolqu aktar postijiet ġodda mas-settur privat”.

Il-kalendarju tal-avvenimenti huwa parti mill-ħidma tal-Gvern u l-Malta Enterprise biex ikun attirat l-investiment lejn Malta u fl-istess waqt jiġu mgħejjuna l-kumpaniji li joperaw f’pajjiżna biex dawn jkabbru n-negozju tagħhom barra minn Malta jew jżidu l-kummerċ jew il-kollaborazzjonijiet tagħhom ma’ kumpaniji barranin.

L-avvenimenti jinkludu kemm delegazzjonijiet kummerċjali kif ukoll parteċipazzjoni f’għadd ta’ fieri speċjalizzati. Dan jibni fuq ir-Raba’ Sejħa għall-iskema tal-Kompetitività Internazzjonali ko-finanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), imnedija ftit tal-jiem ilu, li ukoll hija intiża biex tgħin lill-kumpaniji f’Malta jsibu swieq ġodda barra minn xtutna.

“Mill-2009 ’l hawn, il-Malta Enterprise tat mas-€7.2 miljun lil madwar 660 kumpanija lokali biex dawn jinternazzjonalizzaw permezz ta’ l-iskemi varji tagħha, li jinkludu għajnuna għall-parteċipazzjoni f’delegazzjonijiet kummerċjali, għajnuna għall-parteċipazzjoni fil-fieri, u l-iskema għall-kompetitività internazzjonali tal-ERDF,” qal il-Ministru.

Filwaqt li saħaq li b’din l-għajnuna dawn il-kumpaniji setgħu ikomplu jikbru u joħolqu aktar impjiegi għall-ħaddiema, il-Ministru qal kif m’humiex biss is-setturi tal-manifattura li jistgħu jieħdu sehem f’dawn l-avvenimenti biex ikunu jistgħu jesportaw barra mill-pajjiż, iżda anki kumpaniji li joffru xi tip ta’ servizzi li jista’ jew jinbiegħ barra minn Malta jew jinġiebu l-klijenti hawnhekk.

Iċ-Chairman tal-Malta Enterprise Alan qal li l-Korporazzjoni tgħin lil dawn il-kumpaniji mhux biss b’mod finanzjarju, iżda ukoll billi tgħinhom isibu u jiltaqgħu ma’ kumpaniji oħra barra minn Malta li magħhom jistgħu jagħmlu n-negozju, fost oħrajn anki permezz tal-kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet l-oħra li jirrapreżentaw lis-setturi tan-negozju
“L-għażla tas-swieq kienet ibbażata fuq stħarriġ li sar fost għadd ta’ kumpaniji dwar il-miri tagħhom u fejn l-aktar li marru tajjeb fis-snin li għaddew, kif ukoll fuq it-tip ta’ għajnuna li tista’ tingħata biex l-avvenimenti ikunu ta’ suċċess u r-rabta li Malta diġà għandha magħhom b’mod li tissaħħaħ r-relazzjoni kummerċjali minħabba l-impatt li jista’ jkollha l-kriżi ekonomika internazzjonali,” spjega Alan Camilleri.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq www.maltaenterprise.com

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow