IL-PRIM MINISTRU JINAWGURA SPAZJU IEĦOR MIFTUĦ GĦAT-TFAL U L-FAMILJI
Il-Gvern qed jagħmel aktar proġetti ta’ spazji miftuħa għaliex irid l-aħjar għat-tfal u għall-ġenituri. Qed noħolqu aktar spazji miftuħa fejn il-familji – tfal, ommijiet, missirijiet, nanniet - jistgħu jistrieħu u jqattgħu l-ħin f’ambjent mill-isbaħ.
Waqt li jkunu qed isiru dawn il-proġetti qed jinħoloq aktar xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi li flimkien mal-Ministru għar-Riżorsi u għall-Affarijiet Rurali George Pullicino inawgura l-Ġnien Marija tal-Anġli f’Baħar ic-Cagħaq.
Il-Prim Ministru qal li fost il-proġetti li saru f’din il-leġislatura fejn l-ispazju ingħata lit-tfal u l-familji hemm l-Adventure Park, Ta’Qali, Ġnien George Bonello du Puis, Qui Si Sana, Pjazza San Ġorġ, il-Belt, Park fi Xrobb l-Għaġin, Out door gym f’Ta’ Qali, Pjazza Sant’Anna, Triq Bisazza u l-Pjazza ta’ Marsaxlokk. Lit-tfal u lill-familji mhux biss qed nagħtuhom aktar postijiet miftuħa iżda qed nagħtu ukoll skola ġdida kull sena u aktar faċilitajiet sportivi.
Bit-twettieq tal-proġetti u aktar spazji miftuħa għall-familji qed noħolqu x-xogħol għall-ħaddiema, sostna l-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Waqt li llum qed ninawguraw dan il-ġnien, fost l-oħrajn għaddej xogħol ukoll fuq tliet proġetti oħra għat-tfal u l-familji, park f’Wied il-Għajn, ieħor fil-Mellieħa u ż-Żewwieqa Waterfront f’Għawdex, żied il-Prim Ministru. Fuq dawn l-erba’ proġetti jaħdmu 120 ħaddiem.
Il-Prim Ministru qal li l-Ġnien ta’ Baħar iċ-Ċagħaq sar ftit passi ‘l bogħod minn dik li qabel kienet il-miżbla tal-Magħtab. Il-Gvern għalaq il-miżbla u qed ineħħi l-gassijiet minnha biex din tinbidel ukoll f’park għall-familja. Hu qal li kieku baqgħet tintuża l-Magħtab, kieku llum hi 30 sular ogħla milli hi bħalissa.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lis-Sindku u lill-kunsillieri tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar u lic-Chairperson u l-membri tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Baħar iċ-Ċagħaq għas-sehem tagħhom fit-twettieq tal-ġnien ġdid, li ħadmu id f’id mal-Gvern.
Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, filwaqt li rringrazzja lil kull min ħadem fuq dan il-proġett ta’ kwalita’ saħaq li dan il-proġett f’Baħar iċ-Ċagħaq seta jsir illum fiż-żona fejn hemm arja aktar nadifa. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-Gvern b’mod għaqli u responsabbli għalaq il-miżbla tal-Magħtab u beda programm biex ineħħi l-gassijiet ħżiena mil-Magħtab biex tinbidel f’Park. Hu qal li d-diossina fl-arja tal-madwar niżlet b’99%. Il-Ministru Pullicino saħaq li l-proġetti li qed isiru huma investiment fit-tfal u r-rikreazjoni tal-familji. Il-Gvern hu impenjat li jkompli jwettaq aktar proġetti għall-ġid tat-tfal u l-familji. Hu għamel appell kontra l-vandaliżmu u qal li wara li jsiru proġetti bħal dawn, hemm bżonn li nieħdu ħsiebhom biex iservu fit-tul.
Dan il-ġnien li hu kbir 1,800 metru kwadru joffri numru t’attrazzjonijiet fosthom logħob għat-tfal, area biex jintlagħab il-ballun, funtana u servizz ta’ Wi-Fi b’xejn.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en