JIGI MNIEHDI PROĠETT ĠDID TA’ 150,000 EWRO FL-IMĠARR
Il-Gvern se jkun qed jgħaddi art b’devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr bl-għan li din tintuza bħala post pubbliku għall –oservazzjoni tal-ekoloġija, post ta’ rikreazzjoni sabiex jitgawda mill-pubbliku ġenerali, kif ukoll sabiex titrawwem aktar l-edukazzjoni relatata mal-wirt Malti.
Il-post identifkat huwa dak magħruf bħala tal-Kunċizzjoni fil-limiti tal-Mġarr.
Il-proġett li ġie varat dalgħodu bl-isem ta’ “I-Land Observatory Foundation”, se jkun qed jitmexxa mill- Istitut tas-Sistemi Ambjentali fi ħdan l-Universita ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mġarr, Nature Trust Malta kif ukoll HSBC Malta li se tkun qed tiffinanzja dan il-proġett.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm fost l-oħrajn il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, s-Sinjura Kate Gonzi, s-Sur Paul Abela Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mġarr, u s-Sur Mark Watkinson CEO tal-kumpannija HSBC Malta.
Is-sit se jkun qed jilqa’ fih ukoll ċentru tal-osservazzjoni u l-interpretazzjoni, li se jitmexxa mill-Istitut tas-Sistemi Ambjentali fi ħdan l-Universita ta’ Malta. Dan se jkun possibli permezz ta’ restawr li se jsir fuq parti mis-sit li jinvolvi struttura militari. Dan iċ-ċentru se joffri l-possibilita lill- istudenti universitarji li jistudjaw f’dan il-qasam, sabiex jagħmlu xogħol fuq dan is-sit.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li huwa fl-interess tas-soċjeta illi l-Gvern jalloka u jgħaddi artijiet illi l-uzu esklussiv tagħhom ikun għall-skopijiet ta’ wirt ekoloġiku u kulturali. Huwa spjega kif mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena il-Gvern għadda ħames devoluzzjonijiet lil diversi Kunsilli Lokali .
Il-sit li se jkun aċċessibli kemm b’karrozzi privati kif ukoll permezz tat-trasport pubbliku, joffri veduti mill-isbaħ u bla dubju se jkun qed jakkomoda numru kbar ta’ familji u kif ukoll dilettanti tal-astronomija, ambjentalisti, ciklisti kif ukoll artisti fost l-oħrajn.
Fost il-proposti li tpoġġew mill-Istitut tas-Sistemi Ambjentali , se jkun hemm tħawwil ta’ siġar ta’ speċi differenti bħala parti mir-restawr ekoloġiku, kif ukoll ir-restawr tal-barikati tal- Victorian Military li jagħmlu parti mill-Victorian Lines li kienu jintużaw fi żmien l-Ingliżi.
Fl-aħħar nett il-Ministru rringrazzja lill-HSBC Malta li se tkun qed tiffinanzja dan il-proġett. Irringrazzja wkoll lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr illi ħadem bla hedda sabiex jigi propost dan il-proġett. Huwa saħaq illi filwaqt illi jinsab ċert li dan il-proġett se jrendi suċċess, qal illi l-Gvern se jkompli jaħdem biex jgħaddi aktar artijiet lil diversi assoċjazzjonijiet bl-iskop li titkattar l-ekonomija, l-edukazzjoni u t-turiżmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en