STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA - Il-Gvern f’ħidma kontinwa favur it-tisħiħ tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-ippakeġġjar
B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil tal-Klima, Leo Brincat, dwar il-miri tal-UE fuq ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-ippakeġġjar, il-Gvern jinnota li minn verifika ta’ ċifri li ġiet konkluża riċentament jirriżulta li fl-2008 Malta laħqet il-miri marbuta mar-riċiklagg tal-ħġieġ, tal-plastik, tal-karta u kartun, u tal-injam, filwaqt li fl-2009 Malta laħqet il-miri marbuta mar-riċiklaġġ tal-plastik, tal-karta u kartun, tal-injam u tal-metall. Dawn ir-riżultati juru li pajjiżna qed jagħmel progress f’dan il-qasam.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kkritika l-ammont ta’ produtturi tal-iskart tal-ippakeġġjar u qal li 2,740 produttur biss huma reġistrati skont ir-rekwiżiti legali. Iżda l-Kelliem tal-Oppożizzjoni naqas milli jsemmi li l-ammont ta’ produtturi rreġistrati żdied minn 1,700 fl-2006 għal 2,740 fl-2011 u dan grazzi għall-kampanja ta’ informazzjoni dwar r-reġistrazzjoni li għamlet il-MEPA. Ta’ min isemmi wkoll li fl-2006, kien hemm biss 10 membri fi skemi approvati mill-MEPA filwaqt li fil-preżent hemm 2,390 membri f’dawn l-iskemi.
Minbarra dan, il-MEPA qed tieħu wkoll azzjoni legali kontra dawk il-produtturi li mhumiex rreġistrati skont kif titlob il-liġi u dan għandu għalhekk iwassal biex aktar produtturi jkunu konformi mal-liġi. Fil-fatt fl-2010 il-MEPA bdiet proċess biex tassigura li l-produtturi reġistrati mal-MEPA jġeddu r-registrazzjoni tagħhom mal-Awtorità kompetenti, liema tiġdid hu meħtieġ li jsir kull sena. Għalkemm dawn il-produtturi ġew infurmati uffiċjalment mill-MEPA biex iġeddu r-reġistrazzjoni tagħhom aktar minn darba, uħud minnhom baqgħu ma ġeddewx. Ghalhekk, il-MEPA qegħda tieħu passi legali kontra dawn il-produtturi. Fir-rigward ta’ kumpaniji reġistrati mal-MEPA, l-informazzjoni hija pubblikkata fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.
B’referenza għall-ħlasijiet tar-reġistrazzjoni, il-MEPA tixtieq tikkjarifika li dawn il-ħlasijiet tar-reġistrazzjoni baqgħu dejjem l-istess, dik ta’ €10 għal reġistrazzjoni ‘online’ u €35 għar-reġistrazzjoni manwali.
L-obbligi tal-UE b’rabta mal-iskart tal-ippakkeġġjar għandhom l-għola prijorita’ għall-Gvern u għal dan il-għan ġew imsaħħa ir-riżorsi tal-MEPA marbuta mal-konformità tal-obligazzjonijiet tal-produttur dwar l-ippakeġġjar u l-iskart tal-ippakeġġjar. Huwa wkoll b’riżultat ta’ dan li n-numru ta’ produtturi registrati żdied fl-aħħar snin.
Fl-istess waqt, l-istrateġija nazzjonali għall-immaniġġjar ta’ skart solidu qed tiġi reveduta biex b’hekk tkompli tiżdied il-konformità. Qed jiġi revedut ukoll l-mekkaniżmu tal-eko kontribuzzjoni biex iħeġġeġ u jemfasiża r-responsabbilità tal-produttur.
B’referenza għall-kummenti tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-kontijiet b’rabta mal-Wasteserv kif intqal f’mistoqsija Parlamentari ftit tal-ġranet ilu, il-kontijiet awditjati tal-Wasteserv għadhom mhux ippubblikati sakemm ikun konkluż xogħol addizzjonali li ntalab mill-awdituri.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en