ID-DIRETTUR ĠENERALI TAL-QORTI SE JAPPLIKA MAL-MEPA BIEX TINĦATT PARTI SOSTANZJALI MILL-ESTENSJONI TAL-BINI TAL-QORTI
Il-Gvern jirreferi għall-punti imqajma u għall-opinjonijiet espressi minn membri tal-pubbliku fil-mezzi tax-xandir, f’gazzetti u f’social networks, dwar l-estensjoni ta’ binja bejn Triq id-Dejqa u Triq l-Ifran fil-Belt Valletta, liema estensjoni saret sabiex tilqa’ l-membri tal-ġudikatura u l-membri tal-istaff tagħhom.
Konxju mis-sensittività tal-iżvilupp in kwistjoni, il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja kien immedjatament talab laqgħa bejn id-Direttur Ġenerali tal-Qorti u uffiċjali tal-MEPA, sabiex tiġi esplorata l-possibilità ta’ soluzzjoni li tirrispetta l-importanza tal-iskyline tal-Belt Valletta u l-protezzjoni tal-wirt storiku filwaqt li tippermetti l-użu sostenibbli tal-binja.
Wara numru ta’ laqgħat li saru ttieħdet id-deċiżjoni li tinħatt parti sostanzjali tal-binja sabiex il-binja tiġi aktar ‘in-line’ mal-linja tal-appoġġ tal-bini adjaċenti minn naħa ta’ Triq id-Dejqa u jiġi eliminat l-impatt viżwali minn naħa ta’ Triq l-Ifran. Sabiex ikun jista’ jsir dan, id-Direttur Generali tal-Qorti ordna li jsiru pjanti riveduti biex jigu sottomessi lill-MEPA. Ladarba dawn jiġu approvati, ikun jista’ jibda x-xogħol strutturali biex il-binja tiġi aġġustata.
Kif jidher mir-ritratti (photo-montages) li qed jiġu ppubblikati ma’ din l-istqarrija, dan kollu se jwassal biex jitnaqqas l-impatt viżwali tal-binja l-ġdida u jiġi rrispettat aħjar l-iskyline tal-Belt Valletta.
Ix-xogħlijiet strutturali se jibdew wara l-approvazzjoni tal-pjanti kif proposti. Dawn ix-xogħlijiet mhux se jibagħtu lura l-proġett tant li d-data tat-tlestija se tibqa’ kif ippjanata.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en