AKTAR AĊĊESSIBILITÀ GĦAS-SERVIZZI TA’ ĦARSIEN SOĊJALI FIL-KOMUNITÀ
Il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jwessa’ u jżid l-aċċessibilità għas-servizzi ta’ ħarsien soċjali billi jkompli jsaħħaħ iċ-Ċentri Aċċess kemm mil-lat ta’ infrastruttura kif ukoll bil-provvista ta’ aktar riżorsi finanzjarji u umani. Il-ħsieb hu li s-servizzi ta’ ħidma soċjali u ħidma fil-komunità jiġu estiżi permezz ta’ aktar professjonisti bħal social workers u community workers, kif ukoll li jiżdiedu s-servizzi ta’ terapija permezz ta’ psikologi u terapisti ghall-familja.
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Chris Said, waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra. Hu faħħar ir-rwol tas-social workers, il-community workers u professjonisti oħra li fissirhom bħala s-sinsla tas-servizzi li joffru l-aġenziji tal-Gvern fil-komunità. Hu qal li f’qasir żmien, fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra se jibdew ix-xogħlijiet sabiex dan jitkabbar b’tali mod li minnu jibdew jiġu offruti servizzi ġodda.
It-tliet Ċentri Aċċess li hawn f’Malta joffru one-stop shop fil-qasam tas-servizzi għal ħarsien soċjali. Huma maħsuba biex jindirizzaw il-bzonnijiet tal-komunità, billi jiġbru taħt saqaf wieħed id-diversi servizzi li joffru l-Gvern u l-aġenziji tiegħu fil-qasam soċjali. Iċ-Ċentri tal-Aċċess joħolqu ukoll progetti u inizjattivi bil-għan li jinvolvu lill-membri tal-komunitajiet rispettivi biex ikunu ċittadini attivi.
Minbarra ċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra, hemm wieħed fil-Birgu u ieħor fil-Belt Valletta. Bejniethom dawn joffru diversi servizzi fosthom:
o social workers u community workers offruti mill-Aġenzija APPOĠĠ;
o ChildCare Centre Smartkids mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi;
o Job Centre tal-ETC;
o Uffiċċju Reġjonali tad-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali;
o Day Centre għall-Persuni b’Diżabilità imħaddem mill-Aġenzija SAPPORT;
o u uffiċċju tal-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Chris Said qal li matul l-2011, dawn it-tliet ċentri ittrattaw madwar 46,000 każ differenti. L-aktar servizzi mfittxija huma dawk offruti mill-ETC u mid-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali. Il-membri tal-pubbliku li jużaw dawn is-servizzi isibuhom utli minħabba li biex jinqdew ma jkollhomx għalfejn imorru l-Belt jew Ħal Far.
Il-Ministru Chris Said faħħar il-mod kif dawn iċ-ċentri jaħdmu mill-qrib mal-entitajiet lokali inkluż mal-Kunsilli Lokali. Per eżempju ċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra bena relazzjoni speċjali mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u l-kollaborazzjoni bejniethom hi l-ordni tal-ġurnata.
Iċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi tal-Aċċess Raphael Scerri qal li fiż-żmien li ġej iċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra se jkollu iktar facilitajiet minn fejn ikun jista’ jipprovdi aktar servizzi u jorganizzata aktar attivitajiet għall-komunità. Fost l-oħrajn
o l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Aġenzija Sedqa se jikkollaboraw fit-tfassil ta’ programmi edukattivi għal adoloxxenti u żgħażagħ;
o se jkun provdut taħriġ għal dawk li jirreġistraw sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk ikun aktar faċli għalihom biex isibu mpjieg;
o il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u Sedqa se jipprovdu taħriġ għall-ġenituri dwar it-trobbija ta’ wliedhom;
o is-servizz taċ-Child Care Centre Smart Kids se jkun estiż għal trabi ta’ bejn 3 xhur u sena u nofs;
o il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se tkompli tkabbar is-servizzi tagħha billi tiftaħ uffiċċju tar-reġistrar;
o u l-Awtorità tad- Djar ukoll se jkollha rappreżentant biex jagħti servizz lill-komunita’ tal- inħawi minn dan l-istess Ċentru.
Il-Manager taċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra Martin Chetcuti semma kif fix-xhur li għaddew dan iċ-ċentru rebaħ il-Premju tal-President ghall-Kreattivita għal proġett li permezz tiegħu żgħażagħ u adoloxxenti qed jingħataw l-opportunità jitgħallmu l-arti tal-fotografija. Hu semma wkoll kif fl-4 ta’ Marzu li ġej se jkun organizzat il-Welcome Spring Festival. Bħal fil-każ ta’ attivitajiet oħra, Aċċess qed jaħdem mill-qrib ma’ diversi entitajiet bħall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u NGOs sabiex flimkien jippromovu l-pożittiv tal-lokalita’ mar-residenti u mal-pubbliku in ġenerali.
Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-ETC Claudio Farrugia, u l-managers taċ-Ċentri Aċċess tal-Birgu u tal-Belt Valletta
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en