Left arrow Go Back

AKTAR AĊĊESSIBILITÀ GĦAS-SERVIZZI TA’ ĦARSIEN SOĊJALI FIL-KOMUNITÀ

pr0260
Date Icon 08/02/2012

Il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jwessa’ u jżid l-aċċessibilità għas-servizzi ta’ ħarsien soċjali billi jkompli jsaħħaħ iċ-Ċentri Aċċess kemm mil-lat ta’ infrastruttura kif ukoll bil-provvista ta’ aktar riżorsi finanzjarji u umani. Il-ħsieb hu li s-servizzi ta’ ħidma soċjali u ħidma fil-komunità jiġu estiżi permezz ta’ aktar professjonisti bħal social workers u community workers, kif ukoll li jiżdiedu s-servizzi ta’ terapija permezz ta’ psikologi u terapisti ghall-familja. 

Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Chris Said, waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra. Hu faħħar ir-rwol tas-social workers, il-community workers u professjonisti oħra li fissirhom bħala s-sinsla tas-servizzi li joffru l-aġenziji tal-Gvern fil-komunità. Hu qal li f’qasir żmien, fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra se jibdew ix-xogħlijiet sabiex dan jitkabbar b’tali mod li minnu jibdew jiġu offruti servizzi ġodda.

It-tliet Ċentri Aċċess li hawn f’Malta joffru one-stop shop fil-qasam tas-servizzi għal ħarsien soċjali. Huma maħsuba biex jindirizzaw il-bzonnijiet tal-komunità, billi jiġbru taħt saqaf wieħed id-diversi servizzi li joffru l-Gvern u l-aġenziji tiegħu fil-qasam soċjali. Iċ-Ċentri tal-Aċċess joħolqu ukoll progetti u inizjattivi bil-għan li jinvolvu lill-membri tal-komunitajiet rispettivi biex ikunu ċittadini attivi.

Minbarra ċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra, hemm wieħed fil-Birgu u ieħor fil-Belt Valletta.  Bejniethom dawn joffru diversi servizzi fosthom:

o social workers u community workers offruti mill-Aġenzija APPOĠĠ;

o ChildCare Centre Smartkids mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi;

o Job Centre tal-ETC;

o Uffiċċju Reġjonali tad-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali;

o Day Centre għall-Persuni b’Diżabilità imħaddem mill-Aġenzija SAPPORT;

o u uffiċċju tal-Awtorità tad-Djar.

Il-Ministru Chris Said qal li matul l-2011, dawn it-tliet ċentri ittrattaw madwar 46,000 każ differenti. L-aktar servizzi mfittxija huma dawk offruti mill-ETC u mid-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali. Il-membri tal-pubbliku li jużaw dawn is-servizzi isibuhom utli minħabba li biex jinqdew ma jkollhomx għalfejn imorru l-Belt jew Ħal Far.

Il-Ministru Chris Said faħħar il-mod kif dawn iċ-ċentri jaħdmu mill-qrib mal-entitajiet lokali inkluż mal-Kunsilli Lokali. Per eżempju ċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra bena relazzjoni speċjali mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u l-kollaborazzjoni bejniethom hi l-ordni tal-ġurnata.

Iċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi tal-Aċċess Raphael Scerri qal li fiż-żmien li ġej iċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra se jkollu iktar facilitajiet minn fejn ikun jista’ jipprovdi aktar servizzi u jorganizzata aktar attivitajiet għall-komunità.  Fost l-oħrajn

o l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Aġenzija Sedqa se jikkollaboraw fit-tfassil ta’ programmi edukattivi għal adoloxxenti u żgħażagħ;

o se jkun provdut taħriġ għal dawk li jirreġistraw sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk ikun aktar faċli għalihom biex isibu mpjieg;

o il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u Sedqa se jipprovdu taħriġ għall-ġenituri dwar it-trobbija ta’ wliedhom;

o is-servizz taċ-Child Care Centre Smart Kids se jkun estiż għal trabi ta’ bejn 3 xhur u sena u  nofs;

o il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se tkompli tkabbar is-servizzi tagħha billi tiftaħ uffiċċju tar-reġistrar;

o u l-Awtorità tad- Djar ukoll se jkollha rappreżentant biex jagħti servizz lill-komunita’ tal- inħawi minn dan l-istess Ċentru.

Il-Manager taċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra Martin Chetcuti semma kif fix-xhur li għaddew dan iċ-ċentru rebaħ il-Premju tal-President ghall-Kreattivita għal proġett li permezz tiegħu żgħażagħ u adoloxxenti qed jingħataw l-opportunità jitgħallmu l-arti tal-fotografija. Hu semma wkoll kif fl-4 ta’ Marzu li ġej se jkun organizzat il-Welcome Spring Festival. Bħal fil-każ ta’ attivitajiet oħra, Aċċess qed jaħdem mill-qrib ma’ diversi entitajiet bħall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u NGOs sabiex flimkien jippromovu l-pożittiv tal-lokalita’ mar-residenti u mal-pubbliku in ġenerali.

Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-ETC Claudio Farrugia, u l-managers taċ-Ċentri Aċċess tal-Birgu u tal-Belt Valletta

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow