Left arrow Mur Lura

AKTAR MINN 1700 PROFESSJONIST JGĦINU TFAL B’DIFFIKULATJIET FIT-TAGĦLIM FL-ISKEJJEL TAL-GVERN

pr0259
Date Icon 08/02/2012

Barra mill-għalliem regolari lllum hemm aktar minn 1700 professjonist oħra fl-iskejjel tal-Gvern li jgħinu tfal li għandhom xi tip ta’ diffikulta fit-tagħlim. Dawn jinkludu Learning Support Assistants, psikoloġi, counsellors, terapisti, u professjonisti oħra li l-impjieg tagħhom inħoloq fl-aħħar erba’ snin.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina irreferiet għal dawn il-professjonisti u għalliema u radditilhom ħajr għall-ħidma siewja tagħhom meta dal-għodu inawgrutat Librerija għal studenti li jbagħtu bid-Dyslexia f’ċentru li l-Gvern għandu fil-Furjana fejn jingħataw servizz dawn l-istudenti.

Il-kundizzjoni tad-dyslexia saret wisq aktar  magħrufa  milli kienet dari.  Fil-fatt kull sena madwar 300 student  f’Malta u Għawdex  jiġu  identifikati b’din il-kundizzjoni.   Dawn l-istudenti jkollhom diffikulta speċifika  fil-kitba u fil-qari  imma b’ħafna ħidma u impenn   jistgħu jiġu ‘l quddiem u isibu posthom fis-soċjeta.

Hemm ħafna każi kemm f’Malta kif ukoll fix-xena internazzjonali fejn tfal li kellhom il-kundizzjoni tad-dyslexia u ħadmu fuqhom, għelbu din id-diffikulta u kisbu fama f’diversi oqsma tal-ħajja, inkluż l-arti.

Pajjiżna għamel ħafna progress fis-settur tad-dyslexia.  Waqt li sa ftit snin ilu kellna għalliema waħda speċjaliżżata f’dan il-qasam, meta n-numru ta’ tfal dyslexic żdied sostanzjalment, id-Direttorati tal-Edukazzjjoni  offrew aktar possibilitajiet biex  għalliema nteressati jkomplu jispeċjaliżżaw u jagħtu s-servizz meħtieġ f’dan il-qasam.  Il-lum għandna 10  għalliema li huma speċjaliżżati fid-dyslexia.

Id-Direttorat għal Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni, jagħraf biċ-ċar  li għalkemm sar  ħafna progress f’dawk li huma arranġamenti speċjali għal meta dawn it-tfal jiġu biex jagħmlu xi eżamijiet, dawn waħedhom m’humiex soluzzjoni għad-diffikulta li għandhom.

Sfortunatament , dawk  l-istudenti b’diffikultajiet fil-qari  ma tantx  se  jiġru wara l-kotba  u għalhekk  inħasset il-ħtieġa li t-taqsima edukattiva tad-dyslexia, tħajjar u  toffri kull opportunita possibli biex dawn l-istudenti jkollhom aċċess aħjar għall-kelma miktuba u għas-sbuħija tal-kotba. 

Għalhekk tlestiet din il-librerija li toffri għażla ta’ kotba għall-istudenti b’diversi abilitajiet u diversi  nteressi, kotba li huma miktuba b’mod li anke min ibati biex jaqra jista’ jasal biex bil-mod jaqra ktieb sħiħ.  Għalkemm il-kotba huma forsi miktuba  bi kliem aktar sempliċi,  l-istejjer huma ta’ nteress anke għall-adoloxxenti.  Huma kotba sbieħ u li jistgħu jkunu ta’ interess kemm għat-tfal kif ukoll  għall-ġenituri li forsi anke huma ibatu mill-istess diffikultajiet.

Il-Ministru Cristina fakkret li  dan iċ-ċentru joffri wkoll ħafna  riżorsi multi-sensorjali  u aġġornati  għall-istudenti  bid-dyslexia. Dawn l-istess   riżorsi  jistgħu  wkoll ikunu ta’ għajunua  għall-għalliema li għandhom tfal dyslexic fil-klassi tagħhom.

Hi wriet it-tama li fil-ġimgħat li ġejjien kemm l-istudenti, ġenituri u għalliema jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-kotba u riżorsi  tant sbieħ u tant addattati għall-iżvilupp tal-kitba u tal-qari ta’ min hu dyslexic.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li dan hu wieħed biss mis-servizzi speċjalizzati li l-Gvern joffri lill-istudenti tagħna li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim.  Fil-fatt id-Direttorati tal-Edukazzjoni għandhom Dipartiment sħiħ – dak tas-Servizzi għall-iStudent -  li jagħmel ħidma siewja ħafna ma’ diversi studenti oħra.

F’dan id-Dipartiment hemm 134 Guidance Teachers, 13 Trainee Counsellors, 15 Trainee Career Advisors, 13 Educational Psychologists, 4 Prefect of disciplines, 7 Counsellors, 11 Social Workers.  Dan barra 2082 LSAs (1500 fi skejjel tal-Gvern) li jagħtu servizz lil 3231 studenti fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.

Id-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent hu responsabbli għat-tmexxija ta’ 13-il Nurture Group fi skejjel primarji u 19-il-Learning Support Zone fi skejjel sekondarji; li School Psychological Service – is-sena li għaddiet din it-taqsima għalqet 828 każ li kienu riferuti lilha u rċiviet 684 talba ġdida għas-servizzi tagħha.

It-taqsima tmexxi wkoll is-Safe Schools Programme li jikkonsisti f’Servizz għas-Sigurta tat-Tfal,  ħidma kontra l-Abbuż mis-Sustanzi u ħidma kontra l-Bullying. Tieħu ħsieb l-Education Medical Services u kuljum tamministra mediċini lil 120 student li jattendu fl-iskejjel tal-Gvern; tmexxi il-Unit Għożża fejn jattendu studenti tfajliet li se jsiru ommijiet; toffri Counselling u Career Guidance Services u s-servizz ta’ Social Workers fl-iskejjel.

Iċ-Ċentri ta’ Riżorsi li ħadu post l-Iskejjel Speċjali ukoll jitmexxew mit-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent li jieħu ħsieb ukoll joffri għajnuna lil sudenti li għandhom diffikulta fil-vista (22 student);  lil dawk b’diffikulta fis-smiegħ (83 student); is-servizz ta’ Early Intervention ma’ tfal minn eta’ żgħira ħafna (645 każ).  15-il tifel u tifla li minħabba mard ma setgħux jattendu l-iskola għal perjodi twal irċivew it-tagħlim fid-dar tagħhom stess.

L-ACTU – Access to Communication and Technology Unit, matul is-sena li għaddiet tat servizz  lil 250 student b’livelli differenti ta’ diffikultajiet akuti; filwaqt li 140 student ieħor sabu l-għajnuna tal-Autism Spectrum Support Team u 81 student ieħor ngħataw servizz minn tim apposta  li jgħin f’każi ta’ studenti b’diffikultajiet fl-imġieba soċjali jew emozzjonali.

Il Ministru Cristina kienet akkumpanjata mill-Assistent Parlamentari fi hdan il-ministeru, l-Onor. Stephen Spiteri flimkien mas-Sinjura Gonzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow