PROĠETT PILOTA F’ĦAL KIRKOP IBIDDEL IL-ĦAJJA TA’ TNAX –IL TIFEL U TIFLA
Tnax–il tifel u tifla li kellhom problemi ta’ mġieba u tagħlim fl-iskola primarja fil-lokalità ta’ Ħal Kirkop ibbenefikaw minn proġett pilota tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li kien iffinanzjat mill-iskema tal-Lokalitajiet Sostenibbli mnedija mill-Gvern fl-2010. Il-Kunsill ta’ Ħal Kirkop kien ingħata €20,000 taħt din l-iskema għal dan il-proġett soċjali msemmi Family Hort.
Il-proġett pilota ħa s-sura tiegħu wara li f’Ħal Kirkop inħasset il-ħtieġa li jkun hemm sapport fil-qasam tal-iżvilupp edukattiv ta’ tfal ta’ età bejn is-6 u l-10 snin u li seta’ kellhom xi diffikultà fl-iskola primarja tal-lokalità. Il-Kunsill Lokali avviċina l-istaff tal-iskola biex ikunu identifikati dawk it-tfal li setgħu jimxu aktar ’l quddiem jekk jingħataw attenzjoni partikolari minn għalliema jew u facilitators biex jgħamlu l-homework tal-iskola.
Bil-proġett dawn l-istess tfal sabu spazju fejn huma setgħu jintegraw b’mod fi grupp ta’ tfal oħra mingħajr ma jiġġieldu jew inkella jkollhom xi kunflitt ma sħabhom. Familja Hort iffoka wkoll fuq l-użu tal-ikel bnin u l-frott bħala pedina importanti biex jiġbed u jinċentiva lit-tfal li jattendu għal-lezzjonijiet. Il-fatt li t-tfal ħassew li qed jingħataw l-importanza għen qatih biex fi żmien sena l-aktar tfal b’imġieba qalila kkalmaw konsiderevolment u bdew jintegraw aħjar fl-ambjent regolari tal-klassi matul il-lezzjonijiet, filwaqt li llum draw jgħamlu l-homework tagħhom waħidhom u b’mod diliġenti.
Dan l-istess effett pożittiv deher ukoll matul is-sajf waqt il-korsijet tal-artiġġjanat organizzati mill-Kunsill fejn dawn it-tfal integraw b’ mod faċli u kienu jhedew b’xogħol produttiv bħal tpingija.
Waqt diskors qasir fi tmiem il-preżentazzjoni tar-rapport dwar dan il-proġett pilota, il-Ministru għall-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop talli pprovda eżempju ċar u prattiku ta’ kif Kunsill jista’ jagħmel differenza konkreta fit-tessut soċjali tal-lokalità tiegħu. Huwa qal li wara li għaddew kważi għoxrin sena mit-twaqqif tagħhom, il-Kunsilli m’għadhomx jieħdu biss ħsieb ix-xogħol materjali u ta’ rutina bħall-manutenzjoni infrastrutturali, iżda qed jidħlu sew fid-dimensjoni soċjali u joħorġu b’ideat validissimi biex isolvu l-problemi li m’humiex daqstant viżibbli fil-komunitajiet tagħhom.
Il-Ministru qal: “Ma hemmx skola f’Malta li m’għandhiex xi sfida jew oħra bi tfal li ma jkunux jistgħu jintegraw ruħhom fix-xogħol jew ir-rutina tal-klassi tagħhom. Ix-xogħol li wettaq il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop għen biex dawn it-tfal jinqalgħu mid-diffikultajiet li possibilment setgħu iwassluhom għal problemi aktar serji aktar tard f’ħajjithom. L-investiment li għamel il-Kunsill fil-ħajja ta’ dawn it-tfal huwa imprezzabbli għall-futur tagħhom. Għalhekk inħeġġeġ lill-Kunsill biex jaqsam din l-esperjenza mal-Kunsilli kollha ta’ Malta u Għawdex biex il-ġid li twettaq minn dan il-proġett pilota jitkattar.”
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en