TMIEN PROFESSJONISTI TAS-SAĦĦA HUMA L-EWWEL STUDENTI TA’ TAĦRIĠ PROFESSJONALI FIR-RADJOGRAFIJA VASKULARI
B’riżultat ta` kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-Università ta` Malta llum ġie inawgurat kors ta’ taħriġ li jikkumplimenta l-firxa vasta ta’ taħriġ professjonali li diġà qiegħed jiġi offrut fil-qasam tas-saħħa. Il-kors imniedi llum, dak ta’ Post Graduate Diploma Radiography – Vascular Ultrasound, se jkompli jsaħħaħ kemm is-servizzi tas-saħħa kif ukoll il-probabilitajiet ta’ xogħol f’dan il-qasam.
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, qal li dawk li se jibdew dan il-kors se jkunu jistgħu jgħinu lill-pazjent permezz ta’ numru ta’ eżamijiet mediċi bħall-carotid duplex scans, arterious u venous scans u oħrajn li jgħinu ħafna sabiex issir dijanjosi tal-problema.
Is-servizz ta’ dawn il-professjonisti se jkun importanti ħafna hekk kif qed naraw li aktar nies qed ikollhom id-dijabete, li naturalment iġib miegħu l-problemi assoċjati ma’ din il-kundizzjoni. Il-Ministru, fil-preżenza ta’ numru ta’ Radjografi u Radjologi li applikaw għal dan il-programm ta’ taħriġ qal li dan ukoll se joffri l-opportunità biex l-istudent isaħħaħ it-tagħrif tiegħu dwar l-anatomija, fiżjoloġija, u l-patoloġija relatati, filwaqt li jiżviluppa ħiliet f’dan is-settur (imaging).
Il-Ministru qal li dan it-taħriġ se jkompli jsaħħaħ ir-riċerka li ssir f’dan il-qasam u finalment għandu jwassal għal aktar professjonisti li jistgħu jgħinu lil xulxin waqt li jfittxu l-aħjar soluzzjonijiet għal problemi ta’ saħħa tal-pazjenti tagħna.
Il-kors ġibed lejh l-attenzjoni ta’ numru sabiħ ta’ professjonisti li diġà jaħdmu fis-settur. Fil-fatt kien hawn 21 applikazzjoni li minnhom intgħażlu tmienja - sitt radjografi u żewġ radjologi. Il-kors, li huwa mħallas mid-Dipartiment tas-Saħħa, u li sar b’kollaborazjoni mal-Università ta` Malta qiegħed jiġi offrut part-time u jinkludi taħriġ teoretiku u kliniku / prattiku. Dan it-taħriġ se jkun imwassal minn lekċerers Maltin kif ukoll barranin.
Prof. Kevin Cassar, Konsulent fil-Kirurġija (Vascular), qal li l-Vascular Ultrasonography huwa essenzjali fi djanjosi ta’ diversi mard jew kundizzjonijiet, bħal pereżempju peripheral arterial disease, carotid disease (cerebrovascular events), aortic aneurysms, renal dialysis access, venous disease u sitwazzjonijiet oħra, bħal pereżempju follow up ta’ bypass.
Prof. Cassar qal li permezz ta’ dan it-taħriġ, l-aktar li se jgawdi hu l-pazjent minħabba li se jkun jista’ jiġi kkurat minn professjonisti mħarrġa f’dan il-qasam partikolari.
Il-Ministru Joe Cassar żar ukoll il-kamra li tissejjaħ mould room, li tista titqies bħala workshop li fiha jsiru maskli personalizzati li jintlibsu mill-pazjent waqt li jkun qiegħed jingħata trattament bħal dak ta’ radjazzjoni f’partijiet tal-ġisem fejn ikun hemm tumur. F’dan it-tip ta trattament, huwa importanti ħafna li l-pazjent ma jiċċaqlaqx, u allura maskli ta’ dan it-tip ikunu utli ħafna sabiex jillimitaw kemm jista’ jkun il-possibbilità li jsir ċaqlieq involontarju.
Din il-kamra, li hija wkoll riżultat ta’ ftehim milħuq bejn l-Università ta’ Cardiff, l-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tas-Saħħa.
Il-Ministru rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kellhom sehem attiv lejn it-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa u awgura lill-istudenti kull suċċess hekk kif se jibdew dan it-taħriġ ġdid.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en