DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA, WAQT IL-KONFERENZA `THE DISADVANTAGED CHILD – PROBLEMS AND SOLUTIONS` ORGANIZZATA MILL-YMCA HOMELESS AND CELEBRITIES FOR KIDS – SLIEMA, 7 TA’ FRAR 2012
Sinjuri,
L-għodwa t-tajba. Nibda billi nirringrazzja lill-organizzaturi - YMCA Homeless u Celebrities for Kids – għax-xogħol siewi li jagħmlu u għas-servizzi li joffru. Dan il-pajjiż jibqa’ jimmeraviljani għan-numru kbir ta’ għaqdiet u individwi li fil-ħin liberu tagħhom, flok joqogħdu d-dar, jagħmlu xogħol volontarju biex jgħinu lil ħaddieħor.
Il-volontarjat hu vokazzjoni. Ix-xogħol u l-ammont kbir ta’ siegħat dedikati għall-volontarjat huma imprezzabbli u ma nistgħux nikkalkulawhom. Mhux faċli tikkwantifika l-flus li jkollok bżonn biex tħallas lil dawk il-mijiet u l-eluf li f’pajjiżna jagħtu ħinhom għal ħaddieħor, bla interessi. Minbarra li nirringrazzjaw lil dawk li jxammru l-kmiem, irridu ngħidu grazzi wkoll lil dawk li jdaħħlu jdejhom fil-but biex jagħtu d-donazzjonijiet u li permezz t’hekk jagħtu ċ-ċans lil dawn l-organizzazzjonijiet jibqgħu jaħdmu u jgħinu lil ħaddieħor.
L-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-għaqdiet ma jaħdmux f’vakum. Joperaw fil-kuntest ta’ strutturi mwaqqfin mill-Gvern b’liġijiet li jgħaddu mill-Parlament. Is-servizzi offruti mill-NGOs jikkumplimentaw dawk offruti mill-Gvern. It-tnejn għandhom bżonn lil xulxin, iridu jaħdmu mhux biss b’mod parallel iżda wkoll id f’id. Jekk jirnexxielna nagħmlu dan, jirnexxielna nilħqu lil kulħadd.
Illum qed nitkellmu dwar it-tfal żvantaġġjati. Niddikjara minnufih li fis-settur tat-tfal u l-ħarsien soċjali, il-Gvern huwa impenjat li jkompli joffri l-aħjar servizzi biex dawk kollha li jeħtieġu appoġġ jingħataw l-aħjar servizz possibbli, immirat għall-bżonnijiet speċifiċi tal-individwu. U se nelenka wħud mill-inizjattivi li qed nieħdu u li se nkunu qed nieħdu biex inkomplu nilħqu dan l-għan tagħna.
Fil-bidu ta’ Novembru li għadda nidejna l-Politika Nazzjonali tat-Tfal u ħriġnieha għall-konsultazzjoni pubblika. Din il-Politika tħares lejn diversi temi, tagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet u tipproponi numru ta’ inizjattivi bl-għan aħħari jkun dak li nkomplu ntejbu l-kwalitá tal-ħajja tat-tfal. Wara l-perjodu ta’ konsultazzjoni li se jieħu ħames xhur, dan l-Abbozz se jiġi rivedut biex joħroġ id-dokument finali. Flimkien ma’ dan id-dokument se joħroġ ukoll pjan ta’ azzjoni strateġiku biex il-miri stabbiliti jintlaħqu.
F’qasir żmien, b’mod parallel mal-konsultazzjoni tal-Politika tat-Tfal, se jkun qed jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li se jkun qed jaħdem fuq l-Att dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ. Nieħu din l-okkażjoni biex nistieden lil dawk kollha li jixtiequ jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom fuq kif dan l-Att jista’ jħares aħjar l-interessi tat-tfal, biex jersqu ‘l quddiem. Nemmen li minbarra l-qoxra li toffri l-liġi nnifisha, huwa importanti li naraw il-qafas ta’ kif din il-liġi se tkun qed itejjeb il-kwalitá tal-ħajja tat-tfal. Għaldaqstant huwa importanti li nenfasizzaw li l-għan ewlieni tagħna huwa li l-aħjar interess tat-tfal jitpoġġa fil-qofol, biex b’hekk it-tfal ikunu mħarsa bl-aħjar mod possibbli.
Tajjeb li nsemmu wkoll li fix-xhur li ġejjin se nkunu qed inressqu quddiem il-Parlament l-Att rivedut dwar id-Dipartiment tal-iStandards u l-Ħarsien Soċjali. Dan l-Att huwa propju l-framework regolatorju għas-servizzi tal-ħarsien soċjali. L-għan ta’ din ir-reviżjoni huwa propju li jkollna qafas regolatorju li jwassal biex is-servizzi kollha ta’ ħarsien soċjali jkunu tal-aħjar kwalità hekk kif inhu xieraq.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jżid in-nefqa tiegħu għal tfal l-aktar fil-bżonn speċjalment dawk li jkunu jinħtieġu protezzjoni. Għalhekk din is-sena, in-nefqa f’dan il-qasam qed tiżdied b’aktar minn nofs miljun ewro. Minbarra din in-nefqa, l-Agenżija Sapport se tiftaħ servizz residenzjali ġdid għat-tfal b’diżabilità f’Birżebbuġa. Din se tkun dar fil-komunità li tilqa’ tfal b’diżabilità u li għandhom imġiba diffiċli. B’hekk tfal li jkunu fil-Young People’s Unit ikunu jistgħu wkoll jibbenefikaw iktar minn dan is-servizz residenzjali.
Fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, l-Aġenzija APPOĠĠ hija impenjata li tkompli toffri servizzi ta’ ħarsien għal tfal, familji, persuni li jesperjenzaw vjolenza domestika, kif ukoll individwi li għandhom problema minħabba vizzji u abbużi.
Ma rridux ninsew li fis-snin li għaddew żidna l-investiment fi programmi li joffru out-of-home-care, sabiex fejn hu possibbli nagħtu l-opportunità lit-tfal li jgħixu f’ambjent ta’ familja. Dan jista’ jsir permezz ta’ addozzjoni kif ukoll fostering; żewġ servizzi li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ bl-għan li t-tfal jingħataw l-aħjar tfulija possibbli. Dwar l-addozzjonijiet, bdejna proċess ta’ konsultazzjoni interna sabiex innaqqsu r-restrizzjonijiet li jeżistu bħalissa u nassiguraw li nagħtu l-possibilita’ lil aktar tfal jitrabbew f’ambjent ta’ familja.
Kif kulħadd jaf, minn din is-sena żidna l-leave tal-maternità b’ġimgħatejn għal 16-il ġimgħa u s-sena d-dieħla dan se jiżdied għal 18-il ġimgħa. Il-mezzi tax-xandir iffukaw fuqu għaliex fis-soċjeta’ tagħna jappella għall-maġġoranza. Madanakollu tajjeb inżid li minn din is-sena żidna wkoll il-leave tal-addozzjoni għal 16-il ġimgħa. Sa issa, iż-żieda fil-leave tal-addozzjoni tgħodd għall-ħaddiema fis-settur pubbliku. Mill-esperjenza personali nista’ nifhem kemm hu importanti perjodu estiż ta’ bonding bejn il-ġenituri u l-wild, bejn l-omm u t-tifel jew it-tifla, anki fil-każ tal-addozzjoni.
Dwar l-Out-of-Home Care, nixtieq inżid li bħalissa għandna 417-il tifel u tifla li qed jingħataw saqaf fuq rashom: nofshom fostered u nofshom għandhom placement f’dar residenzjali. Matul is-sena li għaddiet dħalna għal ftehim ġdid mal-iskola St. Patrick’s, li permezz tiegħu l-Gvern u s-Sależjani qed ikomplu jikkollaboraw fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kura residenzjali ta’ adoloxxenti subien. Fil-Baġit ta’ din is-sena komplejna ninvestu fis-settur tal-ħarsien soċjali b’żieda fil-baġit iddedikata għal High Support Services. Permezz ta’ dan l-investiment se noffru servizzi ta’ care workers personalizzati mat-tfal li jkunu qed juru mġiba diffiċli. Bil-mod il-mod irridu nitbegħdu mill-kunċett ta’ servizz l-istess għal kulħadd filwaqt li nibdew noffru servizz personalizzat skont il-ħtiġijiet tal-individwu.
Barra minn hekk, żdiedet l-għajnuna lill-programmi Fejda u Jeanne Antide li se jiġu megħjuna sabiex titjieb l-infrastruttura u sabiex l-operat ta’ dawn id-djar jilħaq l-istandards nazzjonali tad-djar residenzjali tat-tfal. Dawn jinkludu kemm l-infrastuttura fiżika kif ukoll l-operat immexxi minn professjonisti speċjalizzati fil-qasam. Fil-fatt din is-sena se nagħtu bidu sabiex dawn iż-żewġ faċilitajiet jimxu fi djar ġodda fil-komunità.
Tkellimt ħafna dwar il-kura u l-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-kura u l-ħarsien biss mhux biżżejjed. Lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ irridu nippreparawhom għad-dinja reali. Dinja li fiha jridu jaħdmu biex jaqilgħu l-għixien tagħhom b’mod indipendenti u biex għada pitgħada jipprovdu għall-familja tagħhom ukoll.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali toffri diversi servizzi biex tilħaq lill-persuni li huma żvantaġġjati fis-soċjetà – anki billi tgħinhom isibu impjieg. Bħala eżempju wieħed nista’ insemmi l-proġett Embark for Life – programm ko-finanzjat bil-Fond Soċjali Ewropew – li jiffoka b’mod speċifiku biex jgħin żgħażagħ bejn is-16 u l-24 sena jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jintegraw fis-soċjeta’ u jsibu impjieg. B’baġit ta’ kważi miljun ewro, bħalissa hemm ‘il fuq minn 160 żagħżugħ li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett.
Eżempju ieħor. Għall-pre-adoloxxenti fil-Kottonera, l-Aġenzija Appoġġ qed tmexxi proġett li permezz tiegħu qed tgħin tfal imfarfrin biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dawn it-tfal, sa ċertu punt, huma ftit aktar ixxurtjati għax qed nippruvaw nilħquhom minn qabel bit-tama li jintegraw ruħhom fis-soċjetà f’età aktar kmieni u aħjar.
Fl-iskejjel tagħna qed nintervjenu b’diversi modi wkoll. Illum kulħadd hu familjari mar-rwol tal-Learning Support Assistants. Il-Gvern joffrihom għal tfal li jinħtieġuhom fl-iskejjel tiegħu. U jħallas biex skejjel privati u tal-Knisja jimpjegaw LSA’s ukoll. Għal din is-sena żidna l-allokazzjoni għal studenti fi skejjel privati li għandhom bżonn LSA b’400,000 ewro. Għal dawk it-tfal li ġejjin minn familji żvantaġġjati, ħloqna ċ-Children’s Fund – fond li jintuża biex jgħin tfal jattendu attivitajiet extra-kurrikulari u ħarġiet ma’ sħabhom l-oħra tal-iskola.
F’dawn il-ftit minuti li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi ppruvajt nitfa’ xaqq dawl fuq is-servizzi li joffru l-Gvern u l-Aġenziji tiegħu. Servizzi li huma importanti ħafna u li kull sena qed inkomplu inżidu l-investiment fihom. Dan l-investiment qed iwassal biex ikollna bżonn dejjem aktar professjonisti mħarrġa, social workers, community workers u l-bqija, għaliex bil-ħidma u s-servizz tagħhom nistgħu nassiguraw li nilħqu bl-aħjar mod lill-persuni żvantaġġjati li għandna fis-soċjetà.
Mill-ġdid nirringrazzja lill-YMCA Homeless u Celebrities for Kids għall-ħidma tagħhom. F’dan il-kuntest tajjeb nirrimarka li Celebrities for Kids hi l-ewwel NGO li għandna f’pajjiżna li qed taħdem b’mod esklussiv favur id-drittijiet tat-tfal kollha. Inwiegħed l-impenn tiegħi u l-għajnuna tal-Gvern biex flimkien noffru l-aħjar lil dawk it-tfal kollha li għandhom bżonn l-appoġġ u s-sostenn.
Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en