DISKORS TAL-ONOREVOLI CHARLÒ BONNICI F’ “JUM IL-ĦAJJA”
Qabel xejn xtaqt nirringrazzja lill-Moviment Malti dwar it-Tarbija li se Titwieled (MMTT) (il-Malta Unborn Child Movement - MUCM) li għal sena oħra qed jorganizza din iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħajja. Il-Moviment, li twaqqaf fl-2004 u hu magħmul minn 45 organizzazzjoni, jaħdem favur id-drittijiet, id-dinjita’, il-protezzjoni, l-iżvilupp u l-ħarsien tat-trabi li se jitwieldu.
X’aħna niċċelebraw illum? Qed niċċelebraw il-ħajja. Qed niċċelebraw id-dritt ta’ tarbija li tkun ilha f’ġuf ommha għal ftit xhur, għal ftit ġimgħat, għal ftit jiem, saħansitra għal ftit sigħat, li tkompli tgħix u li titwieled. Mhux biss li tgħix. Iżda li tgħix kwalita’ ta’ ħajja tajba u li jkollha l-opportunita’ li titwieled.
Ċelebrazzjoni bħal din tista’ titqies bħala ‘ċelebrazzjoni oħra’ li bħalhom isiru ħafna. Fl-opinjoni tiegħi din m’hijiex ċelebrazzjoni kwalunkwe.
Jiena nistqarr li kull tant żmien irridu nagħmlu ċelebrazzjoni bħal din biex intennu l-impenn tagħna li naħdmu favur il-ħajja; li nirrispettaw il-ħajja sa mill-konċepiment; li nħallu l-ħajja tieħu l-kors tagħha anki jekk nindunaw b’xi difett; u li nħallu l-ħajja tilħaq il-milja anki jekk dik hi riżultat ta’ żball li nkunu wettaqna. Dan kollu m’għandniex nagħmluh biss bil-fomm. Iżda bil-fatti. Bid-deċiżjonijiet li nieħdu.
L-istat iħares il-ħajja tat-trabi mhux imwielda b’diversi modi. Malta hi wieħed mill-ħames jew sitt pajjiżi fid-dinja fejn l-abort hu illegali. Hu illegali mhux għax nieħdu gost inkunu differenti, biex inkunu differenti, iżda għaliex nemmnu fil-ħajja u dak il-prinċipju inħaddnuh u ma niddejqu xejn niddefenduh.
Madanakollu mhux biżżejjed li l-abort ma jkunx legali. Ħafna riċerka u studji jitfgħu dawl fuq l-importanza ta’ ambjent san u tajjeb għal tarbija f’ġuf ommha. Jinħtieġ li nipproteġu lit-trabi minn abbuż li jista’ jseħħ qabel it-twelid. It-tipjip, ix-xorb ta’ alkoħol, l-użu ta’ sustanzi u drogi meta omm tkun tqila - dak ukoll huwa forma ta’ abbuż.
Għalhekk importanti l-edukazzjoni sa minn eta’ żgħira: l-edukazzjoni biex anki ommijiet żgħażagħ ikunu kapaċi jagħmlu l-aħjar għażliet fl-interess ta’ wliedhom li jkunu għadhom ma twieldux. Jinħtieġ li bħala leġislaturi nkunu wkoll pro-attivi biex inħarsu lill-ġenituri li jkun se jkollhom tarbija. B’hekk nassigurawlhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar li minnu jgawdu t-trabi li jkunu għadhom ma twieldux.
Ilkoll nafu li x-xogħol iġib miegħu ċertu ammont ta’ stress. U l-istress la hu tajjeb għall-adulti, u wisq anqas għall-ommijiet tqal jew għat-trabi li jkunu għadhom ma twieldux. Kien għalhekk li matul is-sena li il-Gvern ħareġ tliet Avviżi Legali differenti li kollha jindirizzaw dan il-punt.
ommijiet li jkunu tqal, u li jkunu għadhom fuq probation fil-post tax-xogħol tagħhom, issa huma mħarsa minn Avviż Legali li jassigura li dawn ma jistgħux jitkeċċew mix-xogħol mingħajr raġuni valida u bil-miktub;
matul il-perjodu tat-tqala, kif ukoll sa sena wara t-twelid tat-tarbija, omm ma tistax tkun obbligata tagħmel sahra;
il-leave tal-maternita’ żdied minn 14-il ġimgħa għal 18-il ġimgħa fuq perjodu ta’ sentejn. L-ewwel ġimgħatejn daħlu b’mod immedjat fl-2012. It-tieni perjodu ta’ ġimgħatejn se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.
B’dawn l-inizjattivi, u oħrajn li qed nieħdu f’pajjiżna, qed nassiguraw kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-ġenituri u għal uliedhom li jkunu għadhom ma twieldux.
Iva sinjuri. Nemmnu fil-ħajja u ma niddejqu xejn nistqarru b’konvinzjoni li aħna rridu nibqgħu nipproteġu l-ħajja u nassiguraw kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal uliedna kollha – kemm dawk li twieldu kif ukoll dawk li għadhom ma twieldux.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en