INSAĦĦU ‘L ĦADDIEM B’AKTAR XOGĦOL U OPPORTUNITAJIET TA’ TAĦRIĠ
Iż-żieda fil-leave tal-maternità bdiet tgħodd mill-1 ta’ Jannar
L-istrateġija tal-Gvern dwar ix-xogħol u t-taħriġ qed tagħti r-riżultati. Fl-2011, il-ħaddiema full-time li jaħdmu bi qligħ missew il-150,000. Fit-tnax-il xahar li għaddew inħolqu 6,000 impjieg ġdid. Malta għandha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad, u r-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ meta mqabbla mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Waqt konferenza dwar ix-xogħol bit-tema ‘Insaħħu ‘l Ħaddiem’, bħala parti mill-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2012, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said sostna l-impenn tal-Gvern li jimxi fuq il-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea biex aktar żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li jispiċċaw mill-iskola ta’ 16-il sena, ikomplu jitħarrġu.
Chris Said qal li pajjiżna ilu s-snin jaħdem fuq din il-linja. Bejn l-2009 u l-2011, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ organizzat 2,775 kors differenti u ħarrġet 32,000 li terz minnhom huma nisa. Dawn il-korsijiet jiġu organizzati grazzi għall-fondi miksuba mill-Fond Soċjali Ewropew.
Permezz tal-Employment Aid Programme, l-ETC għenet 1,000 kumpanija jimpjegaw 2,346 ħaddiem fosthom 1,035 mara u 515 Għawdxi. Permezz tal-Work Trial Scheme, 989 ruħ ingħataw esperjenza ta’ xogħol u tħallsu għal 20 siegħa fil-ġimgħa.
Il-Community Work Scheme għenet 222 ruħ fosthom 60 mara, li kienu ilhom jirreġistraw għal tul ta’ żmien, biex jaħdmu fil-komunita’. Għal dan ix-xogħol huma qed jirċievu ħlas addizzjonali fuq il-benefiċċju tal-qgħad. Il-Youth Employment Programme, maħsub biex jgħin żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet neċessarji u jkunu kapaċi jsibu xogħol, diġa għen ‘il fuq minn 5,300 ruħ.
Permezz tal-ESF Employability Programme, matul l-2011, aktar minn 15,000 ruħ ingħataw xi forma ta’ taħriġ mil-livell bażiku sa sussidju fuq taħriġ akkademiku. In-nisa li gawdew minn dan il-programm żdiedu b’27 fil- mija fuq is-sena ta’ qabel.
Il-Ministru Chris Said elenka wkoll l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern biex isaħħu ‘l ħaddiem fuq il-post tax-xogħol. Fost l-oħrajn hu semma kif tul din il-leġislatura saru emendi u kienu ppubblikati 33 Avviż Legali li permezz tagħhom komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema part-time, tan-nisa u tal-ħaddiema b’kuntratti temporanji ma’ aġenziji.
Hu semma kif fl-għaxar snin li għaddew in-nisa li jaħdmu żdiedu bi 12,000 – minn 32 fil-mija għal 40.5 fil-mija. Ir-riżultati huma inkoraġġanti iżda jinħtieġ li aktar nisa jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. Kien għalhekk li mill-bidu ta’ din is-sena, il-leave tal-maternità żdied għal 16-il ġimgħa. In-nisa li fi tmiem l-2011 kienu bil-leave tal-maternità, awtomatikament bdew igawdu minn din iż-żieda ta’ ġimgħatejn. Il-leave tal-maternità se jiżdied għal 18-il ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li 2013. Il-Ministru Chris Said qal ukoll li l-leave tal-adozzjoni, għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, wkoll żdied għal 16-il ġimgħa.
Barra minn hekk diġà daħlu fis-seħħ avviżi legali li permezz tagħhom qed tkompli titħares il-mara fuq il-post tax-xogħol. Matul it-tqala, ommijiet li jkunu għadhom fuq probation, ma jistgħux jitkeċċew mix-xogħol mingħajr raġuni valida u bil-miktub. Fuq kollox, matul it-tqala u sa sena wara t-twelid tat-tarbija, omm ma tistax tkun obbligata tagħmel sahra.
Dwar il-ħaddiema part-time, il-Ministru Chris Said qal li dawn ingħataw id-dritt pro-rata għal-leave, sick leave u benefiċċji oħra, anki jekk il-ħaddiem ikun impjegat f’aktar minn impjieg wieħed fuq bażi part-time. Fuq kollox, fil-kuntratti tal-Gvern iddaħħlet klawsola li tispeċifika li kuntrattur li jirbaħ tender tal-Gvern hu obbligat li jimxi mal-kundizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-ekonomista Amanda Borg u mit-trejdunjonista Gejtu Vella. Indirizzawha wkoll iċ-Chairman tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena Frans Borg, mir-rebbieħa tal-edizzjoni tal-2011 Vickie Gauci u minn Joseph Debono li fl-istess sena kiseb ‘special mention’.
Din is-sena s-serata finali tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena se ssir f’April f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en