INVESTIMENT TA’ AKTAR MINN €100,000 JISSARFU F’AKTAR IMPJIEGI
“Il-futur tal-pajjiż huwa mfassal fuq l-investiment tan-negozji u l-ħolqien tal-impjiegi.” Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, waqt li kien qed jinawgura ċentru ta’ attività fiżika ġdid li jinsab fil-Pietà. Il-Ministru Azzopardi spjega kif investiment bħal dan għandu jservi ta’ eżempju għall-intraprendituri futuri.
Is-sid ta’ dan iċ-ċentru, is-Sur Alan Curry, li huwa wkoll il-fundatur tal-Lifecycle Challenge, spjega li b’kollox se jkunu impjegati tmien ħaddiema ġodda li jinkludu fosthom nutrizzjonista, dietician u personal trainers. “Dan jixhed l-importanza sabiex jitkattru u jinħolqu aktar impjiegi” spjega l-Ministru Azzopardi.
Filwaqt li kkongratula ruħu mas-Sur Curry għas-sbuħija u l-istat eċċellenti ta’ dan iċ-ċentru , il-Ministru Azzopardi saħaq dwar l-importanza li wieħed iżomm ruħu attiv filwaqt li fl-istess ħin jgħix ħajja bilanċjata.
Huwa ħeġġeġ ukoll lin-negozjanti ġodda u dawk stabbiliti sabiex jirrikorru għall-iskemi li qiegħed joffri l-Gvern fosthom dawk tal-Micro Credit u l-Micro Invest. Spjega wkoll is-servizz il-ġdid li ġie mniedi riċentament bl-isem ta ‘Businesss First’ mill-Malta Enterprise. Dawn l-inizjattivi kollha qed isiru sabiex il-Gvern jinċentiva u jgħin lill-intraprendituri sabiex isaħħu jew jiftħu n-negozju tagħhom.
Il-kunċett wara dan il-proġett, hekk kif spjega Alan Curry nnifsu, huwa sabiex jipprovdi taħriġ professjonali fost il-membri tiegħu u jorganizza diversi sessjonijiet fi gruppi żgħar u fuq bażi individwali. Il-Fitness Centre jinkorpora ukoll fih area ta’ rikreazzjoni fejn wieħed ikun jista’ jirrilassa bejn sessjoni ta’ taħriġ u oħra. Dan iċ-ċentru fiżiku jorganizza fih diversi sessjonijiet ta’ taħriġ li jvarjaw minn klassijiet ta’ erbgħin sena ‘l fuq u oħrajn li jsiru għal individwi fil-ħin prefut tagħhom.
Filwaqt li awgura lis-sid taċ-ċentru għas-suċċess ta’ dan il-ftuħ, il-Ministru Azzopardi saħaq li proġett bħal dan għandu jservi ta’ ispirazzjoni għal dawk kollha li qed jippjanaw li jinvestu fil-ftuħ ta’ xi negozju sabiex dan iwassal għal aktar investiment f’pajjiżna kif ukoll għal aktar ħolqien tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en