IMFAKKAR IL-JUM DINJI DWAR IL-KANĊER
L-Isptar Mater Dei se jsir kompletament smoke free
Madwar id-dinja fil ġurnata tal-4 ta’ Frar tinħoloq kuxjenza dwar il-mard tal-Kanċer, marda li tikkawża miljuni ta’ mwiet kull sena, fejn ħafna minnhom setgħu ġew evitati. Waqt konferenza tal-aħbarijiet għal din l-okkażjoni, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qal li waħda mill-azzjonijiet inkulżi fil-pjan ta’ prevenzjoni tal-Kanċer li ġie mniedi is-sena l-oħra, hija l-ġlieda kontra t-tipjip u li llum qed inħeġġu għall waqfien mit-tipjip u dwar il-ħtieġa li titnaqqas il-prevalenza ta’ dawk in-nies li jpejpu f’pajjiżna.
Il-Ministru Joe Cassar qal li t-tipjip huwa l-akbar kawża ta’ mwiet fejn jidħol il-kanċer tal-pulmun. F’Malta fis-sena 2010, 26.6% tal-imwiet fl-irgiel u 9% tal-imwiet fin-nisa kienu kawża tal-kanċer tal-pulmun. Skont l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa madwar id-dinja kull sena jmutu 5.4 miljun minħabba l-użu tat-tabakk. L-Onor. Joe Cassar innota li t-tabakk huwa l-uniku prodott legali, li joqtol u jagħmel ħsara lill min ipejjep u lil kull min huwa espost għad-duħħan tiegħu, u huwa l-kawża waħdanija ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati kemm f’Malta u madwar id-dinja u minkejja l-progress kbir li sar sabiex innaqqsu l-esposizzjoni involuntarja tat-tipjip indirett jew passiv, din il-kwistjoni għada problema f’pajjiżna.
Waqt l-attività, li saret fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru innota wkoll li r-riżultati li ħarġu mir-riċerka European Health Interview Survey li saret fit-2008 f’ Malta, indikaw li madwar 25% minn dawk il-persuni l-ipparteċipaw f’din ir-riċerka qalu li huma esposti għat-tipjip indirett, jew fuq il-post tax-xogħol, fil-postijiet pubbliċiI u sfortunatament saħansitra, wħud minnhom, anki fid-dar. Hu qal li hija ħasra li għad hemm ukoll persentaġġ li huma esposti għat-tipjip indirett fid-dar tagħhom stess.
Il-Ministru ħabbar ukoll li sabiex jiġu protetti l-pazjenti tal-Isptar Mater Dei mit-tipjip passiv u, anke jħeġġeġ oħrajn biex jieqfu jpejpu, l-Isptar se jiġi dikjarat bħala smoke free u li fiħ, u fil-propjetà kollha tal-Isptar ma jkunx jista jsir tipjip ħlief għal 3 żoni identifikati, u li huma fiżikament maqtugħin mill-bini tal-isptar.
Hu rringrazzja lill-Kumitat kontra t-tipjip tal-Isptar li b’kollaborazjoni mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni ħadem sabiex dan il-pass seta jseħħ.
F’pass ieħor sabiex aktar nies jieqfu mit-tipjip, il-Ministru Joe Cassar ħabbar li inħolqot inizjattiva oħra fejn jidħol il-prevenzjoni tal-kanċer u waqfien mill-vizzju tat-tipjip. Fil-fatt ser tiġi offruta għajnuna permezz ta’ servizz ta’psikoterapija lill impjegati tal-Isptar Mater Dei li jpejpu, u lesti li jippruvaw jieqfu. Fil-fatt l-ewwel grupp beda l-bieraħ.
Prof. Stephen Montfort fakkar lil dawk il-persuni li jpejjpu li, mhux huma biss huma fir-riskju li jaqbadhom il-kanċer minħabba d-dħaħen li jibilgħu mit-tabakk. Duħħan tad-tabakk jispiċċa wkoll ġol-pulmun ta’ persuni li hemm madwarhom u li ma jpejpux bħal per eżempju t-tfal u persuni oħra li qegħdin fl-istess ambjent. Hu qal li għaldaqstant il-pass li qiegħed jittieħed biex l-Isptar Mater Dei jiġi ddikjarat bħala smoke free, huwa wieħed importanti, għax kull min jidħol l-isptar ikun qiegħed jingħata kura sabiex isaħħaħ il-kundizzjoni ta saħħtu.
Hu qal ukoll li, bħala parti mill-pjan nazzjonali dwar il-kanċer se jitnieda programm għall-pazjenti, biex sakemm ikunu għall-kura l-isptar ikun ta’ għajnuna biex titnaqqas id-dipendenza mit-tabakk.
Dr. Charmaine Gauci qalet li riċerka li saret fir-Renju Unit wrietna li min jagħmel użu minn servizzi ta’ għajnuna għandu sa’ 4 darbiet iktar probabbiltà li jirnexxielu jieqaf darba għal dejjem. Dan meta tipprargunaħ ma’ dawk li jippruvaw jieqfu mingħajr għajnuna. Huwa mportanti wkoll u jeħtieġ li nirrikonoxxu li l-professjonisti li jaħdmu fis-saħħa għandhom ukoll ikunu mudelli li jirriflettu soċjetà b’saħħitha. Hi qalet ukoll li ser issir kampanja fuq it-televżijoni dwar it-tipjip passiv biex jitkattar aktar għarfien dwar l-importanza tal-waqfien mit-tipjip u l-passive smoking.
Ma’ dan il-vizzju hemm implikazzjonijiet ambjentali, soċjali u anki ekonomiċi fuq il-pajjiż kollu, qalet Dr. Gauci, filwaqt li faħħret il-proposti meħuda fil-Pjan Nazzjonali kontra l-Kanċer u l-Istrateġija għall-Prevenzjoni u l-Kontroll ta’ Mard li ma jitteħidx f’pajjiżna. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jimpenjawna għal azzjoni sħiħa fil-futur li tappoġġja u tikkumplimenta s-saħħa, billi jiġu ndirizzati diversi miżuri ta’ promozzjoni għal saħħitna.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en