AKTAR MINN 600 ŻAGĦŻUGĦ/A JIPPARTEĊIPAW FIL-KUNSILLI LOKALI ŻGĦAŻAGĦ ORGANIZZAT MINN AĠENŻIJA ŻGĦAŻAGĦ
Opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenzi u ħiliet ġodda
Il-Gvern qiegħed jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin biex jiksbu esperjenzi u ħiliet li jgħinuhom jilħqu l-milja tagħhom fil-ħajja, inkluż fid-dinja tax-xogħol, permezz ta’ diversi programmi ta’ edukazzjoni mhux formali immexxxija minn Aġenżija Żgħażagħ. Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu żar Ġnien de la Cruz f’Ħal Qormi, wieħed mit-tlett ġonna pubbliċi f’Ħal Qormi li sarilhom titjib skont l-ideat taż-żgħażagħ tal-lokal li ħarġu mill-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ organizzat u ffinanzjat mill-Aġenżija Żgħażagħ.
Dan il-proġett li kien wieħed mit-tlett proġetti rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-programm Kunsill Lokali Żgħażagħ kien jikkonsisti f’titjib ta’ tliet ġonna ewlenin f’Ħal Qormi li huma Ġnien de la Cruz, Ġnien Fredrick Maempel u Ġnien Bertu Hyzler fejn fi tnejn minn dawn il-ġonna ġie installat il-wifi li jagħti aċċess liz-żgħażagħ għad-dinja tal-internet anke waqt li qegħdin barra.
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli tenna li dan il-programm flimkien ma’ programmi oħra ta’ Aġenzija Żgħażagħ qed jiffaċilitaw it-transizzjoni taż-Żgħażagħ mill-bankijiet tal-iskola għad-dinja tax-xogħol billi qed tagħti opportunità liż-żgħażagħ jitħarrġu u jiksbu ħiliet fil-ħsieb, fl-azzjoni u fit-tmexxija, ħiliet meqjusa essenzjali għal diversi sferi tal-ħajja.
Is-Segretarju Parlamentari żvela kif mill-bidu tiegħu, jiġifieri fi 3 snin, dan il-proġett diġa ra l-parteċipazzjoni ta’ 610-il żagħżugħ u żagħżugħa u madwar 40-il kunsill lokali. Iż-żgħażagħ li jipparteċipaw fil-Kunsill Lokali Żgħażagħ jingħataw taħriġ fit-tmexxija u opportunità biex jiddiskutu l-lokal tagħhom u biex iwettqu tibdiliet. Fl-aħħar jissottomettu l-proġetti tagħhom u l-proġetti rebbieħa jitwettqu b’kofinanzjament mill-Gvern.
Matul din iż-żjara s-Segretarju Parlamentari nieda wkoll is-sit uffiċjali ta’ Aġenzija Żgħażagħ li għarfet l-importanza li ż–żgħażagħ jagħtu lid-dinja online. Huwa tenna li s-siti eletroniċi huma wieħed mill-akbar fonti ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ Maltin. Hu fakkar kif is-sena li għaddiet Aġenzija Żgħażagħ kienet nidiet portal ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ li l-għan tiegħu hu li tingħata informazzjoni korretta u aġġornata. Fl-aħħar sena permezz ta’ dan il-portal ġew offruti madwar 190–il opportunità jew attività għaż-żgħażagħ, kien hemm madwar 11,000–il viżitatur li minnhom 5,000 viżitatur żar dan il-portal għal aktar minn darba.
L-Onor Puli spejga kif f’Ottubru li għadda ġew mnieda 13-il fuljett ta’ informazzjoni li huma żgur utli għaż-żgħażagħ, fejn dawn jirriflettu l-informazzjoni li hemm fil-Portal stess. Kemm il-Portal kif ukoll il-fuljetti għandhom informazzjoni dwar erbatax-il suġġett relatati maż-żgħażagħ. Dawn is-suġġetti jinkorporaw informazzjoni dwar l-edukazzjoni, l-familja u r-relazzjonijiet, il-flus, il-qasam tad-djar, ix-xogħol, il-kultura u l-ħin liberu, l-ambjent, l-Ewropa, l-liġijiet, id-drittijiet u r-responsabiltajiet, il-parteċipazzjoni u l-volontarjat, is-saħħa, l-isport u t-trasport u l-ivvjaġġar.
Fi tmiem din l-attività l-Onor Puli ipprezenta s-somma ta’ €10,000 lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għat-twettieq ta’ dan il-proġett filwaqt li wiegħed l-appoġġ tiegħu biex flimkien mal-Kunsilli Lokali jkompli jaħdem għall-ġid taż-żgħażagħ Maltin.
Preżenti għall-din l-attività kien hemm is-CEO ta’ Aġenżija Żgħażagħ; is-Sindku u Kunsilliera ta’ Ħal Qormi u membri tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en