STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ
L-Oppożizzjoni għal darb’oħra bla soluzzjonijiet
Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jirreferi għall-istqarrija maħruġa mid-Deputat Laburista Marie Louise Coleiro Preca. Hu ċar li l-Oppożizzjoni ma għandha l-ebda viżjoni għal qasam tas-sahha. L-Oppożizzjoni tinjora r-realtajiet f’dan il-qasam fosthom iż-żieda fis-servizzi tas-saħħa u anki l-avvanzi li qed isiru riżultat tal-kura li qed tingħata. Dan l-avvanz fil-kura qiegħed iwassal biex l-età medja tal-Maltin u l-Għawdxin qed tiżdied. Il-Gvern qiegħed jirrispondi għal dan it-tibdil, b’inizjattivi konkreti u b’tisħiħ tas-servizzi li jingħataw.
Fid-Dipartiment tal-Emerġenza jidħlu medja ta’ 300 persuna kuljum. Minn dawn it-300, medja ta’ 66 ikollhom bzonn kura fl-Isptar Mater Dei filwaqt li numru sostanzjanli ikunu jistgħu jinqdew miċ-Ċentri tas-Saħħa jew mit-tobba tal-familja mingħajr il-ħtieġa li jmorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Minkejja li dawn jistgħu jinqdew fil-komunità, xorta waħda jiġu invistati fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Madanakollu l-prijorità tingħata lil persuni li jkollhom bżonn vista jew attenzjoni aktar immedjata minħabba n-natura tal-uġiegħ jew tal-inċident.
Matul l-aħħar xhur fid-Dipartiment tal-Emerġenza ttieħdu diversi inizjattivi biex il-pubbliku jinqeda aktar malajr. Irduppjaw il-konsulenti fid-Dipartiment li żdiedu għal 7. Żdiedu 20 sodda oħra viċin id-Dipartiment tal-Emerġenza fejn jinżammu il-pazjenti li jkollhom bżonn osservazzjoni. Fix-xhur li ġejjin se jiżdiedu 16-il sodda oħra. Ix-xogħol relatat għaddej bħalissa.
Saret reviżjoni tal-mod kif jitqassmu u jintużaw is-sodod fl-Isptar Mater Dei u bħala riżultat persentaġġ akbar ta’ pazjenti li jeħtieġu kura akuta qed jingħataw sodda aktar malajr. Dan fisser użu massimu tar-riżorsi tal-isptar, u serva daqs li kieku inħolqu 42 sodda ġodda oħra.
Inħolqot Discharge Lounge fejn pazjenti li jkunu mibgħuta d-dar mill-konsulenti tagħhom ikun jistgħu jistennew lill-qraba tagħhom f’ambjent rilassanti minflok fis-sodda tas-sala. Dan fisser li sodod fis-swali qed jintużaw aħjar f’kull ħin. Minn mindu infetħet, fil-21 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, din id-Discharge Lounge intużat minn il-fuq minn 2,000 pazjent.
Il-Gvern investa fil-Comm Care li tipprovdi kura lil persuni fil-komunità u allura kemm jista’ jkun jiġi evitat il-bżonn li dawn il-pazjenti jingħataw kura fl-isptar. Qed jiġu introdotti servizzi fil-komunità oħra li jevitaw li pazjent jokkupa sodda għal servizz li jista jieħu barra mill-isptar (bħal dak tal-Uroloġija).
Sar arranġament kuntrattwali ma entitajiet privati sabiex numru sostanzjali ta’ pazjenti jagħmlu operazzjonijiet fil-privat.
Żdiedu wkoll in-numru ta’ sodod f’residenza għall-anzjani. Fil-fatt matul dawn l-aħħar 4 snin il-Gvern żied aktar minn 600 sodda f’dan ir-rigward. Fil-jiem li ġejjin se jinfetaħ l-Isptar Zammit Clapp bħala nursing home li se jkun qiegħed jakkomoda 100 pazjent
Matul is-snin komplew jiżdiedu is-servizzi fl-Isptar Mater Dei, u fil-fatt is-sena li għaddiet fl-Isptar Mater Dei ġew offruti aktar minn 9,000,000 servizz.
L-Oppożizzjoni Laburista qed turi li ma għandha l-ebda viżjoni għal qasam tas-saħħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en