KONFERENZA INTERNAZZJONALI F’GĦAWDEX B’RABTA MAL-PROĠETT ICER
Nhar it-Tlieta 7 ta’ Frar fil-Lukanda Kempinski f’San Lawrenz ser tittella’ Konferenza Internazzjonali b’rabta mal-Proġett ICER. Dan il-proġett għandu l-għan li jgħin lill-awtoritajiet reġjonali madwar l-Ewropa biex jiżviluppaw politika li tippromovi iktar żvilupp tas-settur tal-akkomodazzjoni li tirrispetta l-ambjent u l-attrazzjoni ta’ territorji rurali għal skopijiet turistiċi.
Din il-konferenza ser titratta xi wħud mill-aqwa prattiċi, rakkomandazzjonijiet għal titjib tal-prodott turistiku kif ukoll case-studies minn Għawdex. Ser toffri wkoll suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jiġi trattat it-titjib fl-attrazzjoni ta’ territorji rurali għal skopijiet turistiċi.
Stakeholders li ġejjin mis-settur turistiku lokali u internazzjonali ser jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jiddiskutu l-aqwa prattiċi identifikati mis-seba’ reġjuni parteċipanti fil-Proġett ICER.
Il-konferenza ser tiftaħ b’diskors tal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, u tissokta b’introduzzjoni dwar l-ICER mis-Sur Thomas Ducloutrier mill-Kumitat Reġjonali għall-Iżvilupp Turistiku ta’ Auvergne. Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni ta’ Għawdex għat-Turiżmu (GTA) is-Sur Joe Muscat ser jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-Proġett ICER; is-Sur Michael Ganado minn PricewaterhouseCoopers ser jitratta l-iżvilupp tar-rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-prodott turistiku f’territorji rurali kif identifikati mill-Proġett ICER; is-Sur David Dandria mill-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta, is-Sur Brian Meilaq mill-Baron Group Malta, is-Sur John Magri mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA) u s-Sur Anthony Zammit, Direttur għal Eko-Għawdex u Żvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser jitkellmu dwar aspetti diversi tal-aqwa prattiċi minn u għal Għawdex.
Il-Konferenza tibda fit-8.30 a.m. u tibqa’ għaddejja sas-2 p.m. Il-parteċipazzjoni għal din il-konferenza hija bla ħlas.
Il-Ministeru għal Għawdex huwa wieħed mill-imsieħba fil-proġett ICER li qed jiġi ffinanzjat taħt il-Programm INTERREG IVC, li jifforma parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għal finanzjament totali ta’ €1.4 miljun. Is-sħab f’dan il-proġett huma l-awtoritajiet rurali minn Franza, is-Slovenja, Spanja, il-Fillandja, l-Ungerija, l-Irlanda u Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en