AKTAR GĦAJNUNA U SKEMI MILL-GVERN BIEX SIDIEN TA’ NEGOZJI JINVESTU U JOĦOLQU IŻJED XOGĦOL GĦALL-ĦADDIEMA
Il-Gvern nieda ħames skemi oħra biex sidien ta’ negozji zgħar jinvestu u joħolqu aktar impjiegi għall-ħaddiema.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech qal li l-Gvern hu ffukat fuq il-ħolqien u ż-żieda fl-impjiegi. Għalhekk matul din il-legislatura l-Gvern permezz tal-Malta Enterprise nieda diversi skemi għas-sidien ta’ negozji żgħar u medji, għall-investituri u għal dawk involuti fis-settur turistiku. Permezz ta’ dawn l-iskemi ssaħħu l-impjiegi, inħolqu aktar impjiegi ghall-ħaddiema u naqas il-qgħad.
8.5 miljun ewro oħra biex negozji jikbru u jimpjegaw aktar ħaddiema
Il-Ministru Tonio Fenech qal li €8.5 miljun oħra se jkunu qed jingħataw lill-kumpaniji f’Malta permezz ta’ ħames skemi ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvillup Reġjonali (ERDF). Hu ħabbar dan waqt żjara li għamel fl-istamperija Gutenberg, fejn qal li l-iskemi li qed joħroġ il-Gvern huma xiehda tal-impenn biex anki permezz ta’ fondi Ewropej jgħin it-tkabbir tan-negozji u l-industriji sabiex dawn jikbru u jkomplu jiġġeneraw il-ġid u joħolqu aktar impjiegi għall-ħaddiema tagħna. Dawn il-fondi se jingħataw fir-Raba’ Sejħa għall-iskemi ko-finanzjati mill-ERDF għall-Kompetitività Internazzjonali, l-Ambjent, ir-Riċerka u Żvilupp, l-Innovazzjoni, u l-iskema għall-kumpaniji Start-ups.
Il-Ministru Fenech qal li permezz tas-sejħiet preċedenti ta’ dawn l-iskemi - li kienu jinkludu ukoll żewġ skemi oħra għall-Enerġija u l-eBusiness - kienu diġà approvati mal-€35 miljun għal 570 negozju. Madankollu, l-investiment li jkun sar mill-kumpaniji jlaħħaq kważi €80 miljun, peress li l-ko-finanzjament ivarja minn ftit inqas minn nofs l-ispejjeż tal-proġett sa anki 70 fil-mija tal-ispejjeż.
Is-sidien tan-negozji, bl-għajnuna li qed jingħataw u bl-investiment li qed jagħmlu, qed juru fiduċja fid-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna
“L-investiment li qed isir mill-privat bl-għajnuna tal-Gvern u l-Malta Enterprise juri biċ-ċar il-fiduċja li l-kumpaniji f’Malta għandhom fl-ekonomija lokali u fid-direzzjoni ekonomika li miexi biha l-Gvern. Dawn qed jieħdu l-iskemi maħruġa mill-Gvern biex jinvestu aktar u joħolqu aktar impjiegi. F’dan il-kuntest, bl-għajnuna li qed nagħtu permezz tal-fondi Ewropej qed nagħmluha iktar faċli li dawn il-kumpaniji jkomplu jinvestu, jikbru u joħolqu aktar ġid u xogħol tikseb importanza akbar,” sostna l-Ministru Tonio Fenech. “Dan qed iwassal biex jinħolqu aktar impjiegi għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, u qed jikkontribbwixxi biex il-qgħad f’pajjiżna jkompli jonqos u jibqa’ fost l-anqas fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Statistika ppubblikata mill-Eurostat turi li l-qgħad f’pajjiżna huwa ta’ 6.5%, li hu ferm anqas mill-medja Ewropea ta’ aktar minn 10%. Statistika oħra tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li s-settur privat qed ikompli jikber u jimpjega aktar ħaddiema. Matul is-sena li għaddiet is-settur privat żied l-impjegati b’1.6% biex illum iħaddem 72.6% tal-ħaddiema full time.
Il-Ministru Tonio Fenech qal li minbarra li l-Gvern qed jaħdem biex jiżdied l-investiment ġdid u jinħolqu aktar impjiegi, meta kien hemm bzonn intervjena biex isalva l-postijiet tax-xogħol minħabba l-kriżi internazzjonali. Hu qal li permezz tal-għajnuna li ngħatat mill-Gvern, il-Gutenberg Press investiet aktar, b’mod partikolari biex tkun aktar kompetittiva fuq livell internazzjonali u ssaħħaħ l-esportazzjoni tagħha. B’hekk tħarsu l-postijiet tax-xogħol tal-impjegati tal-kumpanija, li llum tħaddem mal-mitt ruħ.
Business First – biex is-sidien ta’ negozji jkunu ffukati fuq in-negozju tagħhom
Il-Ministru Tonio Fenech qal li l-Gvern huwa impenjat biex jagħmel il-ħajja tal-kumpaniji u tas-sidien tan-negozju faċli kemm jista’ jkun, u għal dan il-għan għadu kif infetaħ ukoll l-uffiċju ta’ Business First f’Tal-Pietà.
“Business First jiġbor taħt saqaf wieħed aktar minn 50 servizz minn dipartimenti u entitajiet differenti tal-Gvern, b’mod li niffrankaw ħafna ġiri żejjed u l-kumpaniji jkunu jistgħu jiffokaw aktar fuq l-operat tagħhom flok fuq proċessi burokratiċi. L-uffiċju se jkun qed joffri ukoll pariri u konsulenza professjonali, kif ukoll l-assistenza u l-iskemi kollha tal-Malta Enterprise, fosthom l-iskemi ko-finanzjati mill-ERDF li għalihom illum qed inniedu r-Raba’ Sejħa,” qal il-Ministru Tonio Fenech.
Hu kompla jgħid li fl-istess waqt dawn l-iskemi huma ukoll konferma oħra tal-mod għaqli kif Malta qed tagħmel użu mill-fondi u mill-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fejn fost oħrajn qed jinkisbu fondi għal għadd kbir ta’ proġetti mhux biss mill-awtoritajiet iżda anki mill-kumpaniji li joperaw f’pajjiżna, b’mod li r-riżultati pożittivi jinfirxu fil-livelli kollha tal-ekonomija.
Iċ-chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri qal li r-Raba’ Sejħa għall-applikazzjonijiet – li tibqa’ miftuħa sat-3 t’April, 2012 – se tkun qed tagħmel użu mill-fondi kollha li fadal. Żied jgħid li dan ifisser li meta dawn il-fondi jiġu allokati ukoll, il-Malta Enterprise tkun qassmet total ta’ €42 miljun bejn is-seba’ skemi ko-finanzjati mill-ERDF.
Is-Sur Camilleri spjega li l-ħames skemi li għalihom qed toħroġ ir-Raba’ Sejħa jgħinu għadd kbir ta’ inizjattivi li jistgħu jsiru mill-kumpaniji fi kwalunkwe stadju tal-operat tagħhom, kemm jekk għadhom qed jibdew, kif ukoll jekk qed jimplimentaw proċessi ta’ riċerka u żvilupp jew ifittxu swieq ġodda barra minn xtutna.
L-iskema Start-Ups hija intiża biex tgħin fil-ħolqien ta’ kumpaniji innovattivi ta’ daqs żgħir billi tgħinhom waqt li jkunu għadhom qed jibdew sabiex isibu saqajhom fid-dinja tan-negozju.
L-iskema tal-Innovazzjoni u dik tar-Riċerka u Żvilupp għandhom l-għan li jagħmlu dawn it-tip ta’ proċessi iktar aċċessibli għall-kumpaniji f’Malta sabiex permezz tal-investiment tagħhom ikunu jistgħu isiru iktar kompetittivi.
B’mod partikolari, l-iskema tal-Innovazzjoni tgħinhom jadottaw proċessi li jtejbu l-effiċjenza u l-operat tagħhom jew jinvestu fi prodotti jew servizzi innovattivi, filwaqt li l-iskema tar-Riċerka u Żvilupp tgħinhom jinvestu f’riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali.
Permezz tal-iskema tal-Ambjent il-kumpaniji jingħataw għajnuna biex jieħdu inizjattivi ekoloġiċi fost oħrajn biex itejjbu l-kwalità tal-arja jew tal-ilma, jnaqqsu l-iskart li joħroġ mill-proċessi tagħhom, kif ukoll jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi b’mod li jtejjbu s-sostenibilità ambjentali tagħhom.
L-iskema dwar il-Kompetitività Internazzjonali għandha l-għan li tgħin lill-kumpaniji lokali jfittxu swieq ġodda barra minn xtutna u jimirħu fihom, kif ukoll biex jintroduċu prodotti jew servizzi ġodda li diġà jkunu qed joperaw fihom.
Permezz ta’ dawn l-iskemi mnedija mill-Gvern flimkien mal-Malta Enterprise, is-sidien ta’ negozji u l-industrijalisti investew aktar, tejbu l-operat taghhom, impjegaw aktar ħaddiema u ħolqu aktar xogħol.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit www.20millionforindustry.com jew billi wieħed iċempel lill-Business First fuq in-numru 144 jew jibgħat email fuq info@businessfirst.com.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en