IRRANĠATI DJAR GĦALL-FAMILJI
- Tlestew ix-xogħlijiet fuq 32 binja f’erba’ lokalitajiet
- Iffirmati ftehim ma’ 17-il Kunsill Lokali ieħor
- Titnieda l-kampanja edukattiva ‘Il-Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi’
Tlestew xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq 32 binja f’oqsma tad-djar tal-Gvern li jinsabu f’erba’ lokalitajiet differenti. Ix-xogħlijiet saru permezz ta’ żewġ skemi amministrati mill-Awtorità tad-Djar bi sħab mal-Kunsilli Lokali.
L-iskemi, b’valur ta’ €8 miljun fuq sitt snin, huma maħsuba biex issir il-manutenzjoni fil-partijiet komuni tal-binjiet tal-Gvern, u biex issir riġenerazzjoni fl-oqsma ta’ madwar il-binijiet tal-Gvern. Filwaqt li s’issa tlestew ix-xogħlijiet fuq 32 binja fil-Birgu, Santa Luċija, Ħal Qormi u Senglea, għaddejjin ukoll ix-xogħlijiet fuq 126 binja fi 11-il lokalità oħra.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-qasam tad-djar f’Santa Luċija u li matulha kienu ffirmati 17-il ftehim ieħor ma’ daqstant ieħor Kunsilli Lokali biex din is-sena jibbenefikaw minn dawn l-iskemi. Barra minn hekk kienu ffirmati l-kuntratti mal-amministraturi, imqabbda mill-assoċjazzjonijiet tar-residenti rispettivi, biex jieħdu ħsieb il-binjiet fejn jgħixu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said qal li r-riġenerazzjoni tad-djar toħloq attività ekonomika u xogħol għal setturi ta’ ħaddiema differenti fosthom ħaddiema tal-id. Permezz ta’ dan it-titjib li qed isir igawdu eluf ta’ familji u anzjani li jgħixu f’dawn il-binjiet.
Il-Gvern għandu 1,209 binja fi 52 lokalità u l-ħsieb tal-Awtorità tad-Djar huwa li fuq medda ta’ sitt snin tkun tista’ issir il-manutenzjoni fihom. Kien ġħal dan il-għan li ġew allokati €1 miljun kull sena għal sitt snin bit-tir li jitranġaw 200 binja fis-sena. €675,000 kienu allokati għal skema ta’ riġenerazzjoni fil-madwar tal-binja.
Il-Ministru Chris Said qal li permezz ta’ dawn l-iskemi u l-kampanja edukattiva, l-Awtorità tad-Djar qed jirnexxilha tinvolvi lir-residenti biex jieħdu ħsieb il-binja fejn joqogħdu, iżommu l-indafa u jirrispettaw lill-ġirien, iħarsu l-paċi u jeliminaw il-piki u l-vandaliżmu. Dan kollu qed isir biex meta ssir il-manutenzjoni fil-komun tal-binjiet, ir-residenti jkunu kapaċi jieħdu ħsieb u japprezzaw ix-xogħlijiet li jkunu tlestew.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttiġieġ qal li dan il-programm qed jaħdem biex ikompli jsaħħaħ u jtejjeb l-ambjent għall-familji, it-tfal u l-anzjani b’mod li jkun assigurat ambjent iktar nadif u bla periklu. Huwa wkoll fl-interess tal-Awtorità tad-Djar li tinħoloq mentalità fejn iċ-ċittadin iħossu parti minn ambjent komuni u nvolut fid-deċiżjonijiet, ir-responsabiltajiet u l-benefiċċji eżistenti.
L-Awtorità tad-Djar nediet ukoll il-fuljett ‘Il-Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi’. Dan il-fuljett edukattiv se jitqassam fil-binjiet fl-oqsma tad-djar kollha tal-Gvern, u huwa intenzjonat biex iħeġġeġ lill-inkwilini jieħdu ħsieb il-binjiet fejn jgħixu daqs li kieku kienu kollha proprjetà tagħhom.
Informazzjoni addizzjonali fuq ‘Il-Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi’
F’kull binja fl-oqsma tad-Djar, qed titwaqqaf assoċjazzjoni tar-residenti kif stipulat bil-liġi. L-għan ta’ din l-assoċjazzjoni ser ikun li tipprovdi għall-manutenzjoni u t-tindif tal-binja, kif ukoll biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-Awtorità tad-Djar, il-Kunsilli Lokali u r-residenti.
Ir-responsabbiltajiet tal-assoċjazzjonijiiet tar-residenti ser ikunu li jinkoraġixxu lir-residenti sabiex ikollhom sehem attiv ħalli tinżamm l-ordni fil-binja u biex ix-xogħol ta’ manutenzjoni u rranġar isir bi qbil bejn ir-residenti.
L-Amministratur tal-Assoċjazzjoni tar-residenti jingħata inċentiv talli jieħu/tieħu din ir-responsabbiltà. Dan l-inċentiv ser ikun f’forma ta’ ħlas ta’ €150 fis-sena u żieda addizzjonali ta’ €10 fis-sena għal kull appartament ieħor f’każ li jkun hemm iktar minn 12-il appartament fil-binja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en