STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW INFORMALI TA’ NHAR IT-TNEJN 30 TA’ JANNAR 2012.
Mr Speaker,
Illejla nixtieq nirrapporta lill-Kamra dwar il-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li ħadt sehem fiha nhar it-Tnejn 30 ta’ Jannar.
Nibda biex ngħid li jiena nqis dan il-Kunsill bħala wieħed ta’ importanza partikolari u b’messaġġ sinifikanti ħafna. Ngħid dan għax l-aġenda kienet espressament iffukata fuq dak li l-Gvern Malti jqis bħala l-mira vera u aħħarija tal-inizjattivi li konna qed niddiskutu u nieħdu matul dan l-aħħar żmien, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll ġewwa pajjiżna. Il-konsolidazzjoni u dixxiplina fiskali, l-istabbilità finazjarja u miżuri oħra mhumiex l-għan aħħari tagħna. Fil-fatt, dawn huma mezz lejn l-għan tagħna, jiġifieri dak li jkollna ekonomija b’saħħitha li toħloq ix-xogħol u l-ġid li jwassal għal ħajja xierqa lill-familji tagħna. Din kienet dejjem il-pożizzjoni tal-Gvern. Għalhekk f’kummenti li tajt lill-media waqt dan il-Kunsill Ewropew tkellimt fuq il-ħtieġa li nevitaw ċiklu vizzjuż ta’ awsterità. Infakkar ukoll li, per eżempju, fl-istqarrija ministerjali li għamilt wara s-summit tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern taż-Żona tal-Ewro tal-21 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, kont għidt f’din il-Kamra:
“…l-isforzi kollha huma indirizzati sabiex isaħħu l-istabbilità finanzjarja u ekonomika taż-Żona Ewro u sabiex inħarsu l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u lil hinn. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħarsien u t-tisħiħ tal-ekonomija mhix primarjament eżerċizzju akkademiku. Huwa eżerċizzju ntiż li jħares u joħloq il-postijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tagħna, li joħloq il-ġid sabiex isostni s-servizzi soċjali tagħna u li b’mod reali u konsistenti jtejjeb il-qagħda tal-familji tagħna.”
Fil-fatt, id-Dikjarazzjoni li approvajna nhar it-Tnejn filgħaxija, u li qed inqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra hija intitolata: “Lejn Konsolidazzjoni Favorevoli għat-Tkabbir u Tkabbir Favorevoli għall-Ħolqien tal-Impjiegi”.
Matul dawn l-aħħar snin, fuq livell Ewropew, ittieħdu għadd ta’ miżuri li kienu meħtieġa, għalkemm uħud minnhom kienu iebsa u diffiċli; issa jidher li bdew iħallu l-frott fis-sens ta’ stabbiltà finanzjarja. Imma dan mhux biżżejjed. Qbilna li l-istabbilità finanzjarja waħeda mhix ser toħroġ lill-Ewropa mill-kriżi ekonomika. Hemm bżonn ta’ iżjed xogħol biex tikber l-ekonomija u jinħolqu l-impjiegi. Jeħtieġ ukoll li jinstab il-bilanċ f’dawn l-isforzi, għax fil-fatt it-tkabbir ekonomiku għandu rwol ewlieni fl-istabbilità finanzjarja.
Inqis li f’pajjiżna rnexxielna nsibu dan il-bilanċ; b’hekk ilqajna sewwa għal kriżijiet li f’pajjiżi Ewropej oħra ħolqu inkwiet u problemi kbar. Kif għidt fl-istqarrija ministerjali li għamilt f’Diċembru li għadda wara l-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 tax-xahar:
“Kieku ma kellniex ir-riċessjoni tal-2009 u allura kellna nieħdu miżuri eċċezzjonali biex inħarsu eluf ta' postijiet tax-xogħol, kieku llum diġa wasalna (għal budget bilanċjat). Imma ma jiddispjaċini xejn li għamilna dmirna u ħarisna il-ħobża ta' kuljum ta' eluf ta' ħaddiema tagħna.”
F’dan il-kuntest, id-diskussjoni tagħna waqt dan il-Kunsill Ewropew informali iffukat primarjament fuq dawn it-tliet elementi:
a. il-ħolqien tax-xogħol, partikolarment ix-xogħol għaż-żgħażagħ;
b. ir-rwol ewlieni tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs); u
c. is-Suq Uniku (single market).
Bħalissa iżjed minn 23 miljun ruħ jinsabu qiegħda fl-Ewropa u r-rata tal-qagħad fost iż-żgħażagħ hija għolja ħafna. Fi Spanja, kważi 50% taż-żgħażagħ huma qiegħda, fil-Greċja iżjed minn 46%, fis-Slovakkja 35%, fl-Italja, il-Latvija, l-Irlanda u l-Portugal inisbu rata ta’ 30% ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Hawnhekk tajjeb niftakru li pajjiżna jinsab bir-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u bil-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fil-popolazzjoni ġenerali fost is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Minkejja dan kollu, aħna m’aħniex kuntenti u ser nibqgħu nagħmlu kull sforz sabiex kull persuna li ġenwinament tfittex ix-xogħol, issib l-appoġġ u l-għajnuna tal-Gvern.
F’din il-ħdima, l-intrapriżi żgħar u medji tagħna (SMEs) għandhom rwol ewlieni. Dan il-Kunsill identifika li l-għajnuna lill-SMEs fl-aċċess għall-kreditu bħala appoġġ sinifikanti li jistgħu jirċievu dawn “it-23 miljun SME Ewropew (li) huma s-sinsla tas-suċċess ekonomiku tal-Ewropa u fornitur ewlieni ta’ impjieg.” (Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew Informali)
Nixtieq infakkar li f’Marzu li għadda hawn Malta bdiet titħaddem l-inizjattiva BOV JEREMIE Financing Package għall-intrapriżi żgħar u medji permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li kienet imħabbra fil-Budget 2011. Din l-iskema toffri rati ta’ interessi vantaġġjużi u rekwiżiti kollaterali aħjar immirati għall-SMEs bħala parti mill-Istrateġija 2020 tal-Unjoni Ewropea. Sa Diċembru li għadda, 167 SMEs kienu qed jipparteċipaw f’din l-iskema permezz ta’ 181 proġett b’investiment totali ta’ €24 miljun. Fil-budget għal din is-sena ħabbarna skema oħra għal dawn l-intrapriżi żgħar u medji li ser tiġi offruta fix-xhur li ġejjin. Din se tkun fil-forma ta’ skema ta’ self minn banek kummerċjali, liema self ser ikun qed jiġi offrut lil negozji li jridu jinvestu kemm fil-kapital permezz ta’ assi fissi, kif ukoll jekk ikunu jeħtieġu cash flow għall-working capital. Il-Gvern flimkien mal-banek kummerċjali ser ikunu qed jiggarantixxu 90 fil-mija tas-self.
Dan mhux biżżejjed.
Irridu nsibu mezz kif inkomplu nnaqqsu l-burokrazija bla bżonn li xxekkel lil dawn l-operaturi ewlenin u fundamentali tal-ekonomija tagħna. Nistqarr li għadni m’inhix kuntent kif kultant l-awtoritajiet u l-aġenziji tal-Gvern qed jitrattaw ma’ dawn l-intrapriżi. Xogħolna huwa li nagħmlu l-ispazju u mhux li nżommu lil dawn l-intrapriżi milli jimxu ‘l quddiem. Kien għalhekk li fl-aħħar tqassim tax-xogħol Ministerjali ħtart ministru partikolari għan-negozji żgħar.
Is-Suq Uniku jkompli jkun pediment tal-proġett Ewropew. Jonqos iżjed xogħol biex dan is-suq ikun komplut, partikolarment fil-qasam diġitali u tal-enerġija, li joffri opportunitajiet kbar ta’ impjiegi.
Dan kollu huwa pass ieħor lejn il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu u Ġunju li ġejjin, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
It-tieni element tad-diskussjoni tagħna kien l-istabbilità taż-Żona Ewro. Hawnhekk għamilna pass kbir ieħor fil-kuntest ta’ dak li qbilna dwaru fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li għadda.
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Komunikazzjoni mill-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro, kif ukoll kopja tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja li ġie ffinalizzat f’dan il-Kunsill. Il-Gvern Malti, wara li saru l-emendi li tlabna għal Artiklu 10, jaqbel ma’ dan it-Trattat li ser ikun iffirmat mis-17-il Pajjiż Membru fiż-Żona Ewro u l-pajjiżi l-oħra li jixtiequ fil-Kunsill tal-1 u 2 ta’ Marzu li ġej. Fil-fatt ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka biss indikaw li mhux ser jiffirmawh; il-Prim Ministru Ċek, Petr Necas, indika li għalkemm personalment jaqbel mat-trattat, ir-rekwiżiti kostituzzjonali Ċeki huma tali li ma jidhirx li jkun jista’ jiffirmah f’Marzu li ġej.
L-għan ta’ dan it-Tratta huwa li jwassal għal aktar integrazzjoni ekonomika u governanza aktar b'saħħitha fiż-Żona tal-Ewro u t-tisħiħ tal-perspettiva għas-sostenibbiltà fiskali u d-dejn sovran taż-Żona tal-Ewro. Dan ifisser ukoll l-introduzzjoni tar-regola ta’ budget bilanċjat fil-Kostituzzjoni tagħna. Fl-aħħar stqarrija minsterjali li għamilt f’dan il-Parlament kont għidt dwar dan:
“l-anqas għandna problema li dawk il-pajjiżi li ma josservawx dan l-element tal-Patt ta' Stabiltà u Tkabbir ikollhom penali u miżuri korrettivi awtomatiċi. Lanqas għandna problema li r-regola ta' budget nazzjonali bilanċjat, l-imsejħa golden rule, tkun parti mill-Kostituzzjoni tagħna. Nistieden lill-Oppożizzjoni biex tingħaqad mal-Gvern sabiex nagħmlu dan il-pass għal ħarsien tal-impjiegi tal-ħaddiema tagħna u ta’ pajjiżna.”
Nixtieq nirrimarka li fid-dibattitu wara din l-istqarrija, l-Oppożizzjoni indikat il-qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-Gvern. Għalhekk illejla wara din l-istqarrija, bil-permess tal-Kamra, ser inressaq għall-ewwel qari l-abbozz ta’ liġi sabiex jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta sabiex indaħħlu din ir-regola.
Fil-Kunsill ta’ Diċembru li għadda kien hemm qbil ukoll li d-dħul fis-seħħ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilità (ESM) ikun aċċelerat ħalli dan jidħol fis-seħħ f’Lulju li ġej. Dan il-pass ġie kkonfermat fil-Kunsill Ewropew ta’ nhar it-Tnejn. F’dan il-kuntest infakkar li fuq l-aġenda tal-Kamra għandna fit-tieni qari l-abbozz ta’ liġi 101 li jemenda l-Att dwar l-Unjoni Ewropea (Kap. 460 tal-Liġijiet ta’ Malta). Nittama li ma ndumux ma nagħlqu x-xogħol fuq dan l-abbozz ta’ liġi.
Iddiskutejna wkoll il-qagħda fil-Greċja, fl-Irlanda, fi Spanja u fl-Italja. B’mod partikolari, il-Greċja ġiet imħeġġa tikkonkludi mingħajr dewmien it-trattativi dwar is-sehem tas-settur privat (Private Sector Involvement) fil-programm tagħha u l-bżonn kruċjali li l-elementi politiċi kollha fil-Greċja jkunu kommessi lejn dan il-programm.
Fl-għeluq ta’ dan il-Kunsill Ewropew informali, iddiskutejna l-qagħda internazzjonali partikolarment l-Iran, is-Sirja u Burma/Myanmar. Inqiegħed fuq il-Mejda kopja tad-Dikjarazzjoni għall-istampa dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija li għamel Herman von Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew.
Dokumenti annessi:
•
pr0215A - 20120130_Statement EU Council_MT.pdf
•
pr0215B - 20120130_Statement Eurozone_MT.pdf
•
pr0215C - Treaty on Stability, Coordination and Governance in EMU.pdf
•
pr0215D - 20120130_Statement_President Council_Foreign Policy_MT.pdf
•
pr0215E - 20120201_First Reading_Att 2012 emenda Kostituzzjoni.pdf
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en