IL-GVERN QED JAĦDEM BIEX IKOMPLI JTEJJEB IL-FAĊILITAJIET SPORTIVI KOLLHA F’PAJJIŻNA
Il-klabbs tal-boċċi llum jamministraw 35 propjetà pubblika li tlaħħaq il-valur ta’ aktar minn €3 miljun u l-Gvern qiegħed jassisti lil dawn il-klabbs biex iżommu l-faċilitajiet tagħhom fi stat tajjeb. Dan hu parti mill-programm tal-Gvern biex jgħolli l-livell tal-faċilitajiet sportivi ta’ kull dixxiplina sportiva f’pajjiżna.
Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu żar il-pitch tal-boċċi ta’ Hamrun Liberty S.C, wieħed mill-11 il-klabb tal-boċċi li qed jibbenfikaw minn assistenza mill-Gvern. Din l-assistenza qed isseħħ permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) u permezz ta’ ħaddiema assenjati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ taħt il-Community Work Scheme.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li l-mira tal-Gvern hija li jsir xogħol ta’ titjib fil-35 pitch tal-boċċi madwar Malta.
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli sostna li fl-aħħar xhur il-Gvern assenja ħaddiema mill-Community Work Scheme kif ukoll ħareġ flus mill-KMS biex qed isiru xogħolijiet ta’ titjib fuq 11-il pitch tal-boċċi, li huma Buġibba Boċċi Club; Floriana Boċċi Club; Ħal Luqa Boċċi Club; Ħal Qormi San Ġorġ; Ħal Qormi San Bastjan; Paola Shriber; Poala Tarxien Boċċi Club; Valletta Marsamxetto; Valletta St Paul’s; u Żabbar Boċċi Club. Hu żied li f’dawn il-11-il pitch qed isir xogħol ta’ kisi; tibjid u mmodernizzar ieħor.
Fix-xhur li ġejjin se jkun qed isir xogħol ukoll fuq ħames pitches oħra li huma Birġu Boċċi Club; B’Kara Boċċi Club; Ġżira Boċċi Club; Pietà Boċċi Club u San Pawl. Il-pjan finali huwa li jsir titjib fil-35 pitch kollha tal-boċċi. Sadanittant li l-KMS qed jassisti li Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi biex tibni website ġdida.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-viċi Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Bertie Muscat, kif ukoll il-President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi, Giovanni Fabri li faħħar l-impenn tal-Gvern favur dan l-isport.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en