STATEMENT BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AFFAIRS
Overseas Development Aid 2012
Il-Ministeru tal-Affarrijiet Barranin jirreferi għal stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Il-Ministeru laqa’ t-talbiet kollha li saru minn NGOs reġistrati. Kien hemm ukoll applikazzjonijiet minn għaqdiet tal-Knisja li jagħmlu xogħol fil-missjoni u applikazzjonijiet minn individwi Maltin li jagħmlu xogħol fil-missjoni wkoll. Fuq dawn l-individwi, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji ma għandux setgħa. Fir-rigward ta’ għaqdiet tal-Knisja, kif turi l-ittra mehmuża, il-Ministeru ma kiser l-ebda regola jew liġi meta ġew identifikati u mqassma fondi pubbliċi magħrufa bħala “Overseas Development Aid.” Dan sar skont il-liġi.
Il-baġit tal-ODA, li huwa l-fond ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp Barrani, ta’ din is-sena se jmur għall-iffinanzjar ta’ 28-il proġett umanitarju għall-pajjiżi tat-tielet dinja, fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika t’Isfel. Dawn il-proġetti se jitwettqu minn organizzazzjonijiet tal-karità Maltin u minn persuni individwali. Il-valur totali ta’ dawn il-proġetti se jlaħħqu l-€363,047.
Il-proġetti li għalihom kienet mitluba u aċċettata t-talba mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, skont ma titlob il-liġi huma dawn :
1. Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’ (Franciscan Sisters of the Heart of Jesus) €14,000
Kostruzzjoni ta' skola primarja għat-tfal tat-triq f'Najrobi, il-Kenja
Il-proġett propost jinvolvi l-bini ta’ klassijiet, uffiċċji, kċina, toilets, sala u se jipprovdi ukoll l-aċċess għall-ilma ġieri, li se jipprovdu lit-tfal b’edukazzjoni, kenn u ikel.
2. Ulied il-Qalb ta’ Ġesu’ (Daughters of the Sacred Heart) €14,000
It-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Formazzjoni għaż-Żgħażagħ fid-Djoċesi ta’ Diwa fil-Balanga, fil-Provinċja ta’ Bataan, il-Filippini
L-għan ta’ dan il-proġett huwa t-twaqqif ta’ ċentru ta’ formazzjoni għaż-żgħażagħ li se jintuża bħala ċentru ta’ studju/akkomodazzjoni għall-istudenti li se jipprovdi wkoll faċilitajiet biex jinżammu workshops, seminars u laqgħat.
3. Aldea Infantil Sagrada Familia – il-Peru €5,400
Infrastruttura għal razzett żgħir fi Arequipa - il-Peru
Il-fondi għal dan il-proġett għat-titjib tar-razzett diġà eżistenti li għandhom jiġġeneraw aktar dħul mit-trobbija tal-bhejjem. Dan se jiżgura aktar dħul finanzjarju bir-riżultat li Aldea u l-komunità jsiru aktar awto-suffiċjenti.
4. Segretarjat Missjonijiet Agostinjani €14,000
Sostenn għal Ambjent edukattiv għall-foqra f’Mapinhane, il-Możambik
Il-proġett huwa li jipprovdi lill-familji foqra b’kostruzzjoni ta’ barrakki tal-bambu żgħar fejn jistgħu jgħixu, 2 barrakki biex iservu għall-ħtiġijiet edukattivi tal-adulti, kif ukoll għat-tisbieħ tal-klassijiet tal-iskola, tal-librerija u tad-dormitorji.
5. Mother Margherita De Brincat Catholic School €14,000
Paċi u ġid permezz ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għat-tfal f’Tucop, Filippini
L-għan tal-proġett huwa li jipprovdi 14-il klassi kompluti bl-għamara, aċċessorji u laboratorju tax-xjenza biex tkun tista’ tingħata edukazzjoni xierqa lil tfal li m’għandhomx il-mezzi għal dan.
6. Small States Network for Economic Development (SSNED) - Lesoto €2,500
Taħriġ fl-Istrateġiji ta’ Adattament għall-Bidla fil-Klima għall-Università Nazzjonali ta’ 'Studenti Lesoto’
L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jħarreġ gradwati universitarji biex jieħdu rwol ewlieni fl-oqsma tagħhom billi jindirizzaw l-adattament għat-tibdil fil-klima b'mod innovattiv.
7. Joseph De Piro Middle School for Girls - Pakistan €14,000
Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ blokk ta’ 3 sulari li se jinkludi laboratorju tax-xjenza, librerija u laboratorju tal-kompjuters, kif ukoll kmamar għall-istudenti u l-istaff.
Dawn il-benefiċarji jippreżentaw rapporti kull tliet xhur lil Ministeru tal-Affarijiet Barranin dwar il-progress tal-proġetti. Ir-rapporti jinkludu filmati, ritratti, riċevuti, prova ta’ ħlas, pjanti u diversi dettalji dwar il-progress li jkun qed ikun reġistrat. Il-Ministeru jivverifika dawn permezz ta’ metodi varji sabiex jiġi aċċertat li jintlaħaq l-għan tal-proġett hekk kif ikun maqbul f’kuntratt iffirmat meta jingħataw il-fondi.
Dan l-istess eżerċizzju jsir ukoll fil-każ ta’ fondi li jitqassmu mill-Community Chest Fund, li għalihom l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji kien ukoll oġġezzjona.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en