IL-PRESIDENT GEORGE AB ELA JISSOKTA BIŻ-ŻJARAT FL-ISKEJJEL TAL-KNISJA
“Il-valur tas-solidarjetà ma’ ħaddieħor għandu jibda jitrawwem mill-bank tal-Iskola” – dan qalu l-President George Abela meta dalgħodu żar l-iskola Primarja u Sekondarja tas-sorijiet ta’ San Ġużepp fil-Blata l-Bajda u l-iskola ta’ San Albert il-Kbir tal-patrijiet Dumnikani fil-Belt, Valletta.
Fiż-żewġ skejjel il-President segwa preżentazzjoni tal-ħajja tal-istudenti fl-iskola li ma tinkludix biss l-aspett akkademiku iżda wkoll it-trawwim tal-valuri Kristjani bħal dik li jħejju diversi attivitajiet fis-sena biex jgħinu lil ħaddieħor b’mod speċjali lil dawk fil-bżonn. Il-President kellu kliem ta’ tifħir għal mod kif l-għalliema qed inisslu valuri sbieħ bħal dawn fost l-istudenti sa minn età żgħira. Żied jgħid illi dan kien il-messaġġ li xtaq iwassal fil-Presidenza tiegħu li f’April tagħlaq tliet snin – il-valur li tagħti mhux biex tirċievi imma tagħti għax inti jimpurtak minn ħaddieħor. Il-President George Abela sostna li kemm ilha ssir l-Istrina bla rigali qed jinġabru iktar flus u dan juri il-karattru tal-poplu Malti li jemmen u li jagħti minn qalbu għax verament jimpurtah.
Il-President Abela awgura lill-istudenti sabiex imorru tajjeb fl-istudju tagħhom u ħeġġiġhom jibżgħu għal dan il-mument hekk sabiħ f’ħajjithom. Dan iż-żmien għandu jagħmilhom ċittadini kapaċi u b’valuri sbieħ ħalli fil-futur jiffurmaw soċjetà b’saħħitha. Ma naqasx ukoll milli jirrikonoxxi l-ħidma tal-għalliema li jwasslu t-taħriġ b’tant dedikazzjoni.
Dalgħodu l-President kellu l-okkażjoni jitkellem mal-istudenti u jisma’ kant u preżentazzjonijiet mħejjija mill-istudenti kif ukoll jiltaqa’ mal-komunitajiet reliġjużi li jmexxu l-iskejjel u l-għalliema. Fiż-żewġt iskejjel ġie ppreżentat b’donazzjonijiet b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en