L-AQWA KIRURGI FIL-QASAM TAL-OFTALMOLOĠIJA JAGĦTU TAĦRIĠ FL-UNIVERSITÀ TA’ MALTA
Dalgħodu, fid-Dipartiment tal-Anatomija, ġewwa l-Università ta’ Malta, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar, indirizza lil numru ta’ tobba u kirurgi Maltin u barranin li bdew kors ta’ ħamest ijiem dwar il-plastic surgery fil-qasam tal-Oftalmoloġija.
Il-Kors, li qiegħed isir mill-European School for Advanced Studies in Ophthalmology (ESASO), bil-kollaborazzjoni tal-Università ta’ Malta, qed jitwassal mill-aqwa kirurgi Ewropej f’dan il-qasam.
Il-Ministru Joe Cassar qal li l-iskola medika Maltija taf il-bidu tagħha lura fis-seklu sbatax u llum għandha isem stabbilit u rispettat madwar l-Ewropa kollha. Hu qal li, kull sena, il-maġġoranza ta’ dawk li jiggradwaw fil-qasam mediku jfittxu li jkomplu l-istudji tagħhom sabiex jispeċjalizzaw f’xi qasam partikolari. Il-Ministru Cassar qal li f’dawn l-aħħar snin, il-possibilitajiet ta’ studju avvanzat komplew jiżdiedu.
Il-fatt li din l-iskola (ESASO) qed toffri dan it-taħriġ f’pajjiżna huwa wkoll konferma tal-potenzjal li għandhom il-professjonisti Maltin u Għawdxin. Il-Ministru rringrazzja lill-parteċipanti kollha kif ukoll lill-għalliema u qal li matul l-aħħar snin il-Gvern Malti fittex kollaborazzjoni ma’ skejjel oħra fil-qasam mediku sabiex ikun jista’ jwassal l-aħjar, mhux biss għat-tobba ġodda, imma wkoll, bħal f’dan il-każ, għat-tobba u kirurgi stabbiliti.
B’dan il-mod, is-servizz tas-saħħa għall-ġid tal-pazjent qed ikompli jissaħħaħ, sostna l-Ministru Cassar.
Giuseppe Guarnaccia, Direttur Eżekuttiv tal-ESASO, laqa’ lill-parteċipanti għall-programm intensiv ta’ ħamest ijiem, filwaqt li qal li t-tim ta’ professjonisti li se jwasslu t-taħriġ kienu kollha entużjasti li jaqsmu l-esperjenzi varji fil-qasam. Hu qal li l-iskop tal-ESASO hu dak li jtejjeb il-prattiċi tal-ispeċjalisti fil-qasam tal-Oftalmoloġija sabiex jissaħħu l-ħiliet professjonali tal-individwu.
Dr. Guarnaccia qal li l-iskola tippromwovi r-riċerka xjentifika u torganizza laqgħat u seminars kif ukoll tippubblika diversi pubblikazzjonijiet, ilkoll bl-iskop li fl-ewwel lok ittejjeb it-tagħrif xjentifiku fost il-professjonisti fl-Oftalmoloġija, u t-tieni li dan fl-aħħar mill-aħħar iservi ta’ benefiċċju għall-pazjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en