Left arrow Go Back

JIDĦOL FIS-SEĦĦ L-ATT DWAR IL-ĠUSTIZZJA RIPARATRIĊI

PR0184
Date Icon 27/01/2012

Illum fil-Gazzetta tal-Gvern ġie ppubblikat l-Avviż Legali 43 tal-2012 li permezz tiegħu qed jinġieb fis-seħħ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi (Kap. 516) li bih pajjiżna ser ikun qiegħed iżid l-enfasi fuq ir-riparazzjoni, mingħajr ma jinsa l-element tal-kastig fil-konfront ta’ min ikun wettaq u instab ħati ta’ reat.

Il-mira prinċipali tal-liġi mhix dik li tara persuni kkundannati jinħelsu qabel, iżda li tassigura li min qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jingħata l-possibilità li jirriforma ruħu.  Għalhekk il-Gvern mexa sabiex f’din il-liġi jkun hemm strutturi u mekkaniżmi differenti minn dawk li kienu jeżistu s’issa - miżuri li jibnu lilhom infushom fuq il-fus li l-parole, ir-remissjoni u l-possibilità ta’ maħfra Presidenzjali jitilqu minn fuq żewġ punti: l-ewwel, li min qiegħed fil-Faċilità jrid jirriforma ruħu; u t-tieni, li l-vittma tar-reat hija kkunsidrata u nfurmata b’dan.

Il-proċess li wassal għall-pubblikazzjoni tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi f’Jannar 2011 bħala abbozz ta’ liġi, u f’ Diċembru bħala Att approvat mill-Parlament, kien wieħed twil iżda ugwalment siewi u indispensabbli.

Il-proċess tnieda b’mod uffiċċjali fi Frar 2009 meta kienet ippublikata il-White Paper dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Il-proċess ta’ konsultazzjoni wara il-pubblikazzjoni tal-White Paper kien ta’ erba xhur, minn Frar sa Ġunju 2009. Matul dan iż-żmien Task Force li twaqqfet appożitament immexxija mis-Sur Joe Gerada ħadet ħsieb li żżomm laqgħat għal dawk interessati, kif ukoll evalwat il-bosta proposti u ideat li ġew sottomessi bil-posta jew bl-e-mail. Fi tmiem dan il-proċess, it-Task Force fasslet rapport li kien ippublikat fl-istess sena, liema rapport imbgħad serva sabiex ikun jista’ jiġi mfassal l-abbozz legali li eventwalment kien ippublikat f’ Jannar tas-sena li għaddiet.

Filwaqt li dan il-proċess kien bla dubju wieħed twil, dan kien essenzjali meta wieħed jikkunsidra li dan l-Att jinvolvi pass kbir fit-tranżizzjoni gradwali li pajjiżna għamel minn sistema punittiva għal waħda riparatriċi. Din il-liġi fil-fatt qed tindroduċi il-parole, is-sistema li tipprovdi għal ħruġ kmieni, iżda b’ kundizzjonijiet mill-ħabs. Il-kundizzjonijiet japplikaw kemm sabiex wieħed jakkwista il-parole, billi jsegwi pjan ta’ kura imfassal għalih mill-awtoritajiet kompetenti waqt li jkun miżmum fil-ħabs; kif ukoll billi jsegwi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Bord tal-Parole biex jiġi rilaxxjat.

Qed tiġi wkoll rriformata is-sistema ta’ remissjoni li sa issa kienet tingħata lil kull priġunier sakemm dan iġib ruħu sew waqt li jkun qed jiskonta is-sentenza. L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi qed ibiddel dan biex issa m’għadux biżżejjed li wieħed ma jaqlax inkwiet fil-ħabs, biex wieħed jinħareġ kmieni, iżda hawn ukoll ser ikun meħtieġ minnu li jsegwi l-pjan ta’ kura u juri li huwa tassew bniedem riformat bis-sħiħ biex jibbenefika mir-remissjoni.

Huwa naturali li riforma radikali għal pajjiżna bħal din la setgħet titwettaq mingħajr proċess ta’ konsultazzjoni xieraq, u lanqas mingħajr ma jsiru r-riformi fid-dipartiment konċernati mas-sistema penali.

Kien għal din ir-raġuni li l-Ministeru fl-aħħar snin wettaq riformi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dawn kienu jimxu fuq rakkomandazzjonijiet li saru f’rapport minn Bord ta’ Inkjesta li kien twaqqaf biex jeżamina is-sistemi amministrattivi tal-ħabs. L-ewwel twaqqfet sistema ġdida ta’ management, bil-ħatra ta’ managers responsabbli għas-sigurta’, l-operat u l-kura u reintegrazzjoni. It-tieni, inħatar Education Coordinator, u qed jkunu offruti diversi opportunitajiet edukattivi fil-Faċilità. Jidher ċar li dan ix-xogħol qed iħalli riżultat, hekk kif in-numru ta’ priġunieri li jipparteċipaw f’dawn il-programmi qed jikber kostantement.

Barra minn hekk, ix-xogħol jinsab għaddej sabiex isir Pjan ta’ Kura għal kull priġunier, liema pjan ikun eventwalment eżaminat u approvat mill-Offender Assessment Board, wieħed mill-bordijiet ġodda li se jinħatar skond l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.

Saret ukoll riforma fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation, li nqata mill-istruttura amministrattiva tal-ħabs u issa għandu Direttur tiegħu. Bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi dan id-Dipartiment ser jibda jagħmel ukoll il-monitoraġġ ta’ dawk il-persuni li jingħataw il-parole. Minbarra li żdied l-ammont ta’ uffiċċjali tal-probation fid-Dipartiment, fl-aħħar xhur ukoll, numru ta’ Probation Officers ġew f’ kuntatt dirett ma’ dan u rċevew taħriġ barra minn pajjiżna. Aktar ‘l-quddiem dan id-Dipartiment ser ikollu wkoll fi ħdanu l-Unita’ għas-Support lill-Vittmi.

Filwaqt li diġà sar ħafna xogħol bi tħejjija għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, għad baqa xi jsir. Il-Gvern għażel approċċ kawt fir-rigward ta’ din il-liġi. Għalkemm in-nuqqas tagħha fis-sistema legali tagħna kien jinħass, l-ewwel priorità tal-Gvern kienet li ssir liġi li filwaqt li toffri opportunità oħra lill-priġunieri, din tkun opportunità aċċessibli strettament biss għal min jaħdem għaliha.

Bid-dħul fis-seħħ illum tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi ser nidħlu fil-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ din il-liġi li ser isseħħ fuq medda ta’ żmien. Dan sabiex il-Gvern iwaqqaf l-istrutturi addizzjonali li huma meħtieġa, kif ukoll sabiex ikun żgurat li dawn l-istrutturi qegħdin jadewgaw ruħhom għal dan ix-xogħol ġdid.

Huwa fl-interess tas-soċjetà tagħna li kemm ir-remissjoni, li sallum kienet biss kondizzjonata għall-imġieba tajba fil-ħabs, kemm l-għoti tal-Parole, kif ukoll il-maħfra, tkun xi tkun ir-raġuni, ikunu marbuta u kkondizzjonati bir-riparazzjoni tad-dannu kif ukoll bit-turija ta’ bidla fl-atteġġjament lejn iż-żamma tal-ordni.  L-Istat irid jiżgura li d-delinkwent jirripara u jirriforma għax dan ħa jkun ta’ ġid għall-individwu nnifsu u s-soċjetà kollha.  Il-miżuri u proċeduri ġodda li qegħdin jiġu fis-seħħ bl-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi huma miżuri ta’ soċjetà serja - soċjetà li tiżgura li kulħadd iħallas ta’ għemilu u li l-ħtijiet jinħafru meta tkun saret ir-riparazzjoni sħiħa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow