LAQGĦA MAN-NISA FIN-NEGOZJU FIL-GRTU
Kmieni dalgħodu saret laqgħa bejn il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, l-Onor. Jason Azzopardi, flimkien ma’ diversi membri tal-GRTU, li huma nisa tan-negozju. L-iskop ewlieni ta’ din il-laqgħa kien primarjament illi jinqasmu l-ħsibijiet reċiproċi dwar dan is-settur u sabiex il-Gvern jara kif jista’ jindirizza iktar it-talbiet ta’ dawn in-negozjanti. Il-laqgħa saret fl-uffiċju tal-GRTU.
“Il-mara għanda potenzjal illi huwa uniku”, sostna l-Ministru Azzopardi, li filwaqt illi faħħar u rringrazzja lill-GRTU tal-inizjattiva li ħadet sabiex tiġi organizzata din il-laqgħa, wera konvinzjoni illi laqgħa bħal din se tkun qed tħalli ħafna frott.
Huwa rrimarka kif skond l-aħħar stħarrig tal-NSO, bħalissa hawn 2,564 nisa li huma self employed mingħajr impjegati magħhom u 1,341 illi jħaddmu impjegati fi ħdan l-kumpanija tagħhom. Dan juri żieda mis-sena ta qabel. “Dawn iċ-ċifri jimlewna bil-kurraġġ sabiex inħeggu iktar nisa biex jiftħu n-negozju tagħhom f’pajjiżna“, sostna l-Ministru Azzopardi.
Preżenti għal din il-laqgha kien hemm ukoll is-Sur Paul Abela, President tal-GRTU, s-Sur Godwin Warr, Direttur tad-Dipartiment tal-Kummerc kif ukoll is-Sur Noel Bartolo, Direttur tal-Impriżi ż-żghar.
Filwaqt li f’isem il-GRTU awgura lill-Ministru għall-kariga l-ġdida tieghu, s-Sur Abela qal li jinsab konvint li flimkien mal-Ministeru, il-GRTU se tkun qed tkattar in-negozju f’pajjizna. Saħaq kif il-GRTU qegħda tinkoraġixxi iktar membri nisa fi ħdanha, sabiex jipparteċipaw f’Seminars li jiġu organizzati barra minn xtutna. Dan sabiex ikunu jistgħu jiltaqgħu u jaqsmu l-ideat tagħhom flimkien ma’ imprendituri Ewropej, dwar in-negozji varji madwar l-Ewropa.
Fost il-punti ta’ interess li tqajmu kien hemm dik tal-leave tal-maternita. Il-Ministru Azzopardi saħaq illi fl-aħħar budget il-Gvern żied dan il-leave minn 14-il ġimgha għal sittax għal din is-sena, filwaqt li s-sena d-diehla dan il-leave se jiżdied għal 18-il ġimgħa.
“Permezz ta’ din il-miżura, il-Gvern qiegħed dejjem iħares l-interess tal-omm l-ewwel u qabel kollox”, kompla l-Ministru. Huwa qal li din il-miżura diga’ bdiet tħalli ħafna ġid u se tkompli tissarraf f‘iktar ġid fis-snin li ġejjin. Huwa qal illi fl-aħħar snin in-numru ta’ nisa li fetħu n-negozju tagħhom żdied sew u jinsab fiduċjuż illi bil-miżura taż-żieda tal-leave tal-maternita’, il-Gvern se jkun qed jinċentiva aktar nisa biex jagħmlu dan. Il-Ministru ħeġġeġ ukoll lil dawk preżenti sabiex jagħmlu użu mill-iskemi offruti mill-Gvern għal min se jiftaħ negozju jew diġa’ għandu wieħed, fosthom il-MicroCredit –BOV Jeremie Financing package kif ukoll il-MicroInvest.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll rappreżentant tal-Malta Enterprise li spjega fid-dettal dwar is-servizz tal-“Business First”, illi ġie mniedi fil-bidu ta’ din il-ġimgħa; fejn sidien tan-negozju se jkunu jistgħu jsibu u jinqdew minn numru ta’ servizzi minn diversi dipartimenti tal-Gvern taħt saqaf wieħed.
Fl-aħħar nett, il-Ministru saħaq illi huwa fl-interess tal-Gvern li jkompli jħajjar iktar nisa sabiex jimxu fuq il-passi ta’ mijiet ta’ nisa Maltin u Għawdxin li kisbu suċċess bil-ftuħ tan-negozju tagħhom.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en