INTRODOTT SERVIZZ LI SE JAGĦTI AĊĊESS GĦAR-RIŻULTATI TA’ EŻAMIJIET MEDIĊI FUQ L-INTERNET
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi klinika privata, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ l-Onor. Joe Cassar nieda is-servizz MY Health. Permezz ta’ dan is-servizz, li huwa sistema online, il-pazjenti ser ikollhom aċċess għar-riżultati tal-eżamijiet mediċi tagħhom stess fuq l-internet. Il-pazjent ser ikun jista’ jagħżel it-tabib jew tobba tiegħu mil-lista ta’ tobba li huma liċenzjati li jaħdmu f’pajjiżna. Ladarba dan isir, it-tabib magħżul jew tobba magħżula ser ikollhom aċċess għal din l-informazzjoni medika.
Il-Ministru Joe Cassar spjega kif dan huwa pass ieħor importanti fl-istorja tas-servizzi tas-saħħa hekk kif permezz tal-MY Health, se tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn is-servizzi tas-saħħa tal-pajjiż u dawk tal-privat.
Il-Ministru qal li l-politika tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa dejjem kienet dik li jtejjeb il-livell mhux biss tal-kura li tingħata imma wkoll tal-infrastruttura. Hu qal li, il-MY Health hija r-riżultat ta’ din il-politika u li, apparti vantaġġi oħra, din se sservi bħala punt ta’ referenza għall-pazjenti u allura jfisser li l-persuna tkun tista’ tieħu aktar ħsieb ta’ saħħitha, għax id-deċiżjonijiet dwar is-saħħa jkunu bbażati fuq ir-riżultati mediċi.
Filwaqt li rringrazzja lill-dawk kollha involuti, b’mod partikolari lil MITA, il-Ministru qal li l-Proġett MY Health tlesta fi żmien sena u sar b’investiment ta’ €350,000.
Dr Hugo Agius Muscat, National ehealth Coordinator, qal li l-ewwel pass irid jagħmlu il-pazjent, li wara li jirreġistra għal e-id, ikun jista’ jidħol fis-sit u minn hemm jgħażel tabib / tabiba mil-lista ta’ tobba liċenzjati. Hu qal li l-għażla mhix limitata għal tabib wieħed biss u li b’dan il-mod il-pazjent ikun qiegħed jagħti permess lit-tabib / tobba li jkun għażel, biex ikollhom aċċess għar-riżultati mediċi tiegħu.
Is-sit, www.myhealth.gov.mt se jkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sa mill-31 ta’ Jannar 2012. Dr Agius Muscat qal li filwaqt li l-ewwel dokumenti li se jkunu disponibbli huma l-Hospital Case Summaries (discharge letters), fil-ġimgħat ta’ wara, gradwalment, se jkun hemm ukoll riżultati tal-laboratorji varji, dawk ta’ medical imaging, u anke informazzjoni relatata ma’ mediċini li wieħed jista’ jiġbor mill-iskema Spiżerija tal-għażla tiegħek. Fl-aħħar fażi tiżdied ukoll informazzjoni dwar appuntamenti fl-isptarijiet tal-Gvern u ċentri tas-Saħħa. Il-Proċess kollu mistenni jieħu ftit xhur.
Il-Ministru Joe Cassar saħaq li għal darb’oħra, pajjiżna huwa wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej li fiħ qiegħed isir avvanz daqshekk prominenti fis-saħħa.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en