OPPORTUNITÀ GĦAL SIDIEN TA’ DJAR U APPARTAMENTI VOJTA LI JRIDU JIKRU LILL-AWTORITA’ TAD-DJAR
Kirja assigurata għal 10 snin u rata ta’ taxxa vantaġġjuża
L-Awtorità tad-Djar nediet ‘Skema Kiri’ li tirrappreżenta opportunità għal sidien ta’ djar u appartamenti vojta biex jikruhom lill-istess Awtorità tad-Djar għal perjodu minimu ta’ għaxar snin. Dawn il-proprjetajiet jerġgħu jinkrew mill-Awtorità lill-klijenti tagħha.
Is-sidien jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ taxxa vantaġġjuża ħafna ta' 5% flok ir-rata massima normali ta’ 35%. Jistgħu wkoll iserrħu moħħhom dwar kera assigurata għal għaxar snin u dwar l-istabbiltà finanzjarja tal-kerrejja tagħhom, li hija l-istess Awtorità tad-Djar.
Il-postijiet iridu jkunu mibnija u finished minn kollox, lesti għall-abitazzjoni, u ilhom mill-inqas sitt xhur vakanti. Ser jiġu preferuti appartamenti individwali, iżda kull tip ta’ proprjetà tiġi kkunsidrata.
Il-proprjetajiet, li jridu jkunu finished u ta’ livell tajjeb ta’ manutenzjoni, jistgħu jkollhom minn kamra tas-sodda waħda sa tlieta, u jridu jkunu mibnija skont is-sengħa u l-arti u jikkonformaw mal-permess tal-iżvilupp u r-regolamenti sanitarji. L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu minn kull lokalità f’Malta u f’Għawdex. Talbiet għall-kera ’il fuq minn €400 fix-xahar ma jiġux ikkunsidrati.
L-Awtorità tad-Djar taċċerta li l-inkwilini li ser jingħataw il-postijiet mikrija jżommu l-proprjetà f’kundizzjoni tajba u jipparteċipaw fl-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-partijiet komuni skont kif jiġi deċiż mill-Assoċjazzjoni tal-Kondominju.
L-għażla tal-proprjetajiet se ssir minn bord indipendenti kompost minn membri tal-Kamra tal-Periti, li ser jagħmlu l-valutazzjoni tagħhom abbażi tat-tqassim tal-kmamar, livell ta’ finishes u manutenzjoni, l-effiċjenza enerġetika, il-kwalità taż-żona urbana, u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-iskema.
Kull applikazzjoni tiswa €20. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel lill-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar fuq 22991000 jew idħol fis-sit elettroniku http://www.skemakiri.com
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en