PROĠETT IEĦOR FIL-BELT VALLETTA – AKTAR AĊĊESSIBILITÀ GĦALL-BELT VALLETTA
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, ħabbar li fil-ġranet li ġejjin, il-Ministeru se japplika mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex mina li tinsab fis-sur terġa tinfetaħ, u sservi ta’ passaġġ għan-nies. B’hekk kull min jipparkja fid-ditch tal-Belt permezz ta’ dan il-proġett se jkollu aċċess ieħor għall-Belt Kapitali li twasslu ħdejn South Street.
Din il-mina (sally-port), li hi twila 75 metru, hi proposta li jkun fiha żewġ travellators b’wieħed jagħti ’l fuq u ieħor ’l isfel biex din id-daħla tkun aċċessibbli għal kulħadd. Il-Ministru Pullicino spjega wkoll li din il-mina tista’ sservi wkoll ta’ post fejn l-artisti jkunu jistgħu jesebixxu xogħol tal-arti tagħhom.
Waqt skavi li saru fil-post fil-kors tax-xogħlijiet ta’ restawr, instabet parti minn batterija ta’ żmien il-Kavallieri fil-ġenb tal-bastjun li ma kinitx irrekordjata fil-pjanti tal-epoka. Dr Stephen Spiteri, storiku tal-fortifikazzjonijiet, sostna li din il-batterija hija interessanti ħafna u teħtieġ li tiġi studjata u rrestawrata, u integrata fil-proġett għaliex tkompli turi l-komplessità tas-sistema difensiva tal-Belt Valletta.
Għal dan il-għan, l-applikazzjoni lill-MEPA se tkun tinkludi t-tisbiħ ta’ din iż-żona, ir-restawr ta’ batterija li nstabet waqt il-proġett ta’ restawr tas-swar, kif ukoll spazju ġdid għal parkeġġ.
Fil-foss tal-Belt ukoll ġie rkuprat spazju bejn is-swar li kienu magħluq b’strutturi fil-foss ta’ wara St. Andrew’s Tenaille. Issa li twaqqaw dawn l-istrutturi nħoloq spazju ġdid li hu propost li jintuża għal parkeġġ.
Dan il-proġett hu stmat li se jiġi jiswa ’l fuq minn €800,000.
Il-Ministru Pullicino fakkar li fil-Belt il-Gvern qed jinvesti mal-40 proġett ta’ tisbiħ u restawr fosthom ir-restawr tas-swar li qed iseħħ b’investiment ta’ €36 miljun b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en