JIFTAĦ BUSINESS FIRST: SERVIZZ ĊENTRALIZZAT BIEX JGĦIN U JIFFRANKA L-ĦIN LIS-SIDIEN TAN-NEGOZJU
"Aktar minn 50 servizz li s’issa qed jingħataw lis-sidien tan-negozju minn dipartimenti jew entitajiet differenti tal-Gvern issa jinsabu taħt saqaf wieħed. B’dan is-servizz li ser ikun magħruf bħala “Business First”, kull sid ta’ negozju Malti u barrani ser ikun qed jiffranka ħafna ħin u ġiri żejjed. B'hekk is-sidien tan-negozji jkunu jistgħu jiffukaw iżjed fuq il-ħidma u l-operat tagħhom jew fuq it-twaqqif ta’ negozju ġdid. Irridu lil min qed jopera jew irid jopera fin-negozju jkompli jiffoka l-enerġija fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkattir tax-xogħol u mhux fuq il-burokrazija.”
Dan qalu il-Ministru għall-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt li kien qed jiftaħ l-uffiċċju ċentrali ta’ Business First fil-binja tal-Malta Enterprise fi Gwardamanġa flimkien mal-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi u l-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura Mario de Marco.
Filwaqt li ħabbar ukoll it-twaqqif ta’ servizz ta’ informazzjoni bit-telefon fuq in-numru 144, il-Ministru Fenech sostna li bit-twaqqif ta’ Business First kienet qed titwettaq wegħda oħra tal-Gvern li fl-istess waqt turi biċ-ċar l-impenn favur l-intrapriża u l-kompetittività peress li dan is-servizz huwa wkoll pedina importanti fil-ġlieda kontra l-burokrazija żejda u servizz attraenti għall-investituri barranin. Dan għaliex Business First mhux biss ser joffri servizz, imma joffri garanzija ta’ servizz fil-pront.
“Is-suċċess tas-sidien tan-negozju ma jkunx ta’ benefiċċju biss għalihom stess u għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, iżda anki għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha li b’hekk ikollhom aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Fid-dawl ta’ dak li għaddej madwarna, bl-instabbiltà u kriżi li qed taħkem l-Ewropa u d-dinja ta’ madwarna, dan jikseb importanza ferm akbar,” kompla jgħid il-Ministru Fenech.
Fost oħrajn, Business First se jkun qiegħed jilqa’ applikazzjonijiet għal għadd kbir ta’ servizzi mgħotija minn 19-il entità jew dipartiment tal-Gvern u li fil-maġġoranza tal-każijiet huma kommessi li jiġu pproċessati f’inqas minn għaxart ijiem tax-xogħol.
“Filwaqt li s-servizz diġà tjieb ferm f’dawn l-aħħar snin, is-sidien tan-negozju inkluż il-kumpaniji start-ups u s-self-employed xorta se jevitaw dewmien żejjed peress li permezz ta’ Business First huma se jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa u japplikaw għal dawn is-servizzi permezz ta’ żjara f’post wieħed ċentralizzat,” saħaq il-Ministru Fenech filwaqt li rrefera wkoll għall-pariri u gwida professjonali li se tingħata mill-uffiċjali tal-Business First. “Nemmnu li fl-isfidi li għandha quddiemha l-ekonomija, l-intrapriżi żgħar u medji jibqgħu quddiem nett fil-ħolqien ta’ tkabbir ekonomiku u postijiet tax-xogħol, kif diġà rrimarkat mill-Kummissjoni Ewropea f’rapport ippubblikat il-ġimgħa li għaddiet li sab li Malta kienet fi grupp żgħir ta’ pajjiżi li żiedu x-xogħol meta mqabbel mal-kriżi.”
Is-sidien tan-negozju jistgħu wkoll jiksbu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ assistenza, finanzjament u għajnuna oħra li tingħata biex in-negozji f’Malta jkollhom suċċess. Fost dawn hemm is-servizzi, l-iskemi u l-għajnuna kollha tal-Malta Enterprise li se jkunu amministrati mill-Business First.
Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi qal li filwaqt li Business First se jkun qed jgħin lill-kumpaniji kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom u s-settur li joperaw fih, is-servizz mistenni jkun ta’ benefiċċju partikolari għall-kumpaniji żgħar u medji li spiss ikollhom inqas riżorsi u għaldaqstant se jkollhom il-possibilità li jinvestu aktar ħin fin-negozju tagħhom.
“F’Malta għandna iktar minn 60,000 kumpanija ta’ daqs żgħir jew medju li jirrapreżentaw mad-99 fil-mija tal-intrapriża lokali. Permezz ta’ Business First, il-Gvern se jkun qed isaħħaħ l-għajnuna li tingħata lil din il-firxa wiesgħa u importanti tal-ekonomija biex ikollha aktar suċċess u toħloq iktar ġid u xogħol,” qal il-Ministru Azzopardi.
Hu nnota ukoll kif l-aktar li se jgawdu huma l-kumpaniji li jkunu għadhom qed jibdew hekk kif dawn kemm–il darba jkollhom diffikultà ikbar minħabba li jridu jiskopru d-dinja tan-negozju mill-bidu nett u permezz ta’ Business First se jkunu qed jingħataw l-informazzjoni li għandhom bżonn.
Fost oħrajn, mill-Business First l-imprenditur se jkun jista’ jirreġistra l-kumpanija, japplika għall-VAT u jirreġistra għat-taxxa, japplika għad-dawl u l-ilma, jikseb l-awtorizzazzjoni biex jimpjega l-ħaddiema u japplika għal-liċenzji tan-negozju.
L-aħbar tal-lum hija kisba importanti oħra għall-intrapriżi żgħar f’pajjiżna, li tibni fuq skemi ta’ suċċess, bħall-iskemi tal-ERDF li għalihom daqt se toħroġ sejħa oħra, kif ukoll il-MicroInvest u l-MicroCredit li l-Gvern ħoloq għal dawn l-intrapriżi matul din il-leġiżlatura.
Mas-servizzi hemm ukoll għadd sostanzjali li għandhom rabta mas-settur tat-turiżmu, fosthom liċenzji speċifiċi għall-operaturi f’dan is-settur.
“L-inizjattiva Business First tgħin lill-kumpaniji inkluż l-operaturi turistiċi biex isaħħu l-kompetitività tagħhom. Din l-inizjattiva tingħaqad ma’ diversi inizjattivi oħra mill-Gvern, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Malta Enterprise u l-istakeholders immirati lejn it-tisħiħ tal-kompetitività permezz ta’ investiment fil-prodott u s-servizz turistiku. Dawn jinkludu skema ta’ fond mill-UE ta’ 10 miljun Ewro għall-proġetti ta’ turiżmu sostenibbli, skema ta’ sussidju fuq l-imgħax sa 3% fuq self biex l-operaturi turistiċi jinvestu f’upgrading tal-prodott u s-servizz li joffru kif ukoll skema ta’ soft loans li tħeġġeġ miżuri ta’ enerġija effiċjenti mill-operturi fis-settur tal-ospitalità,” qal il-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent Mario de Marco.
Iċ-chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri spjega kif uħud mis-servizzi ta’ Business First huma bbażati fuq ir-riżultati ta’ stħarriġ li sar mill-Misco fost madwar 200 kumpanija lokali intiż biex jara d-diffikultajiet li jiffaċċjaw u l-bżonnijiet tagħhom, kif ukoll fuq l-esperjenza tal-Malta Enterprise mal-klijenti tal-Korporazzjoni u l-investituri barranin li taħdem biex tattira lejn Malta.
“Fil-fatt, minbarra l-għajnuna lill-investituri lokali, Business First jagħti importanza kbira anki lill-investiment barrani hekk kif fost oħrajn joffri wkoll servizzi marbuta mal-applikazzjonijiet għall-visa, liċenzji għall-impjiegi, permessi ta’ residenza u twaqqif ta’ kumpaniji. Dawn huma kruċjali għaliex fost il-fatturi li l-investituri barranin jqisu meta jqabblu pajjiż ma’ ieħor hija propju l-faċilità li jwettqu ċertu transazzjonijiet mal-Gvern, jiftħu n-negozju tagħhom u jibdew joperaw minn dak il-pajjiż fl-iqsar żmien possibli,” qal is-Sur Camilleri.
Iċ-chairman tal-Malta Enterprise – li se tkun qed tħaddem il-Business First – qal ukoll li biex ikun żgurat li l-aspettattivi ta’ min juża l-Business First jintlaħqu se jsir stħarriġ kontinwu dwar l-esperjenza tal-klijenti tiegħu, filwaqt li se tiġi ppubblikata scoreboard dwar kif id-dipartimenti u l-entitajiet tal-Gvern ser ikunu qed iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom kif stabbilit fis-Service Level Agreements.
Uffiċċji oħra tal-Business First għandhom jinfetħu f’Għawdex u fi SmartCity Malta, filwaqt li eventwalment is-servizzi mistennija anki jingħataw b’mod elettroniku permezz tas-sit www.businessfirst.com.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en