ST. JOHN AMBULANCE BRIGADE MALTA TINGHATA PROPJETA MINGHAND IL-GVERN GEWWA GHAN DWIELI
F’ċerimonja qasira li saret illum kmieni wara nofsinhar fi Triq il-Bacir ġewwa Għajn Dwieli, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, ħabbar b’sodisfazzjon trasferiment ta’ biċċa art lis- St. John Ambulance Brigade – Malta. Il-Ministru Azzopardi faħħar l-impenn ta’ din l-għaqda, li l-għan prinicpali tagħha huwa li tipprovdi servizz lill-pubbliku ġenerali bla ħlas.
Preżenti għal din ic-cerimonja u għall-iffirmar tal-kuntratt kien hemm Il-Prim Imħallef Emiritus s-Sur J.J. Cremona li huwa c-Chairperson tas-St John’s Council. Huwa rringrazzja lill-Gvern tal-fiducja li wera fl-għaqda u wiegħed illi se jkun qed imexxi l-proġett b’dedikazzjoni kbira sabiex jara lill-istess għaqda tkompli tikber.
“Huwa fl-interess tal-Gvern preżenti li jippromwovi il-qasam soċjali fost l-għaqdiet volontarji”, tenna jgħid il-Ministru Azzopardi. Permezz ta’ inizjattiva mnehdija minnu stess, din il-ġimgħa l-Parlament approva t-trasferiment ta’ numru ta’ propjetajiet lil diversi Clubs, Assocjazzjonijiet u Għaqdiet b’titlu ta’ kera u ċens temporanju. Filfatt il-Gvern għandu ppjanat illi jagħti diversi artijiet li se jkunu qed jingħataw b’ċens lili-għaqdiet varji bħal dik mogħtija llum lis-St. John Ambulance Brigade.
L-għan prinċipali ta’ din l-art se tkun propju li tinbidel f’ Ambulance Training Centre, fejn fih se jkun qed jiġi mogħti taħrig intensiv lill-diversi membri tal-istess għaqda. Il-post se jilqa’ wkoll il-ħames ambulanzi li tħaddan is-St. John Ambulance, li sa issa kienu jiġu dejjem pparkjati f’għalqa.
Is-St. John Ambulance Brigade ġiet mwaqqfa f’Malta fl-1882 u hija għaqda volontarja li tipprovdi f’pajjizna taħriġ tal-First Aid u servizz ta’ salvataġġ minn voluntiera li jkunu kwalifikati. Is-sezzjoni tal-ambulanzi fi ħdan il-brigade twaqqfet fl-1909 u kienet strumentali b’mod speċjali meta nġarrew pazjenti minn Sptar St Lukes għall-Isptar Mater Dei. Is- St. John Ambulance tħaddan fostha 150 membru. It-tliet branches tal-għaqda huma: l-First Aid; it-Teaching Branch u r-Rescue Section. Is-servizz tal-ambulanzi jiġi provdut ukoll lill- Protezzjoni Ċivili u lid-Dipartiment tas-Saħħa.
Il-Ministru Azzopardi faħħar il-konribut tal-Għaqda, li kienet strumentali waqt l-evakwazzjoni tan-nies mil-Libja, meta dan il-pajjiż kien għaddej minn kriżi kbira. Huwa saħaq li jinsab ċert li l-għaqda se tkun qed tagħmel użu tajjeb tal-post u awgurala fil-ħidma sfiqa u eċċellenti tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en