DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 20 TA’ JANNAR 2012
Dan iż-żmien tas-sena għal darb’oħra jagħtina l-opportunità li nibdlu l-isbaħ xewqat u nirriflettu flimkien fuq il-ħidma tagħna. Nixtieq nestendi l-isbaħ xewqat tiegħi lilkom u lill-familji tagħkom, u permezz tagħkom inwassal l-espressjoni ta’ ħbiberija tal-Gvern u tal-poplu ta’ Malta lill-gvern u lill-poplu tal-pajjiżi rispettivi tagħkom.
Hekk kif inħarsu 'l quddiem lejn il-ħidma tagħna għas-sena li ġejja, nirrikonoxxu l-isfidi ġodda u importanti li nħolqu wara l-ġrajjiet tal-aħħar tnax-il xahar. L-2011 kienet tassew sena li ftit rajna bħalha: f’ħafna aspetti fissret perjodu ta’ taqlib fir-relazzjonijiet internazzjonali.
Ir-rivoluzzjonijiet fit-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja waqqgħu mhux biss gvernijiet u sistemi li ġew skreditati, imma anki bidlu l-mod kif il-bqija tad-dinja tirrispondi lejn l-iżviluppi fid-dinja Għarbija. Konvinzjonijiet stabbiliti dwar l-iskop u l-limitu tal-azzjonijiet politiċi ma kinux biżżejjed. Ġew skreditati preġudizzji stabbiliti li hemm popli li mhux kapaċi jġibu l-bidla.
Filwaqt li l-Afrika ta’ Fuq u warajha parti dejjem akbar tad-dinja Għarbija kienu impenjati biex ineħħu sistemi tal-imgħoddi, l-Ewropa u ħafna mid-dinja industrijalizzata kienu qed jaħdmu biex jippriservaw il-ġdid. Wieħed mill-bażijiet tal-ġid u l-prosperità ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, - il-ħolqien u t-tixrid tal-fiduċja - , beda jitriegħed mis-sisien. Dan qanqal mistoqsijiet kbar dwar il-governanza u t-tmexxija. F’livell iktar fil-fond, madankollu l-mistoqsijiet kienu wkoll dwar l-għan u s-sostenibbiltà tal-istili tal-ħajja li konna mdorrijin bihom.
L-isfida għall-ġejjieni hija kif l-esperjenzi li għaddejna minnhom u l-lezzjonijiet li tgħallimna tul l-aħħar tnax-il xahar jistgħu jispiraw u jfasslu x-xejriet u l-azzjonijiet politiċi għal dinja aħjar. In-natura dejjem aktar globalizzata tad-dinja moderna tagħna, bl-ekonomiji minsuġa flimkien u bit-tixrid kontinwu ta’ informazzjoni, jagħmel minn dan ħtieġa ta’ sforz kollettiv li fih in-nazzjonijiet kollha u l-popli tagħhom jeħtieġ li jkunu impjenjati fih.
Malta, naturalment, ma kinitx parti mil-ġrajjiet imqanqla fl-Afrika ta’ Fuq. Bħala ġar viċin u b’rabtiet ta’ ħbiberija mat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja madankollu malajr inqbadna fl-effetti kemm politiċi kif ukoll prattiċi ta’ dawn il-ġrajjiet imqanqla.
B’mod pjuttost parallel, filwaqt li evitat il-problema dejjem tikber tad-dejn ta’ wħud mill-ġirien Ewropej tagħha, minħabba fit-tmexxija prudenti ekonomika tagħha tul is-snin, Malta madankollu ġiet effettwata mill-kriżi finanzjarja u ekonomika Ewropea u, bħala membru taż-żona tal-Ewro, ġiet direttament involuta fl-azzjoni ta’ rimedju li trid tinstab.
Ir-rispons tagħna għal dawn il-ġrajjiet kienu ispirati kemm mill-ispirtu ta’ solidarjetà kif ukoll minn kunsiderazzjonijiet dwar l-effetti mifruxa tal-sigurtà u l-prosperità futuri tagħna. Bil-pożizzjoni strateġika ġeografika u kulturali tagħna f’nofs il-Mediterran, Malta hija konxja tal-implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali fit-tul li dawn il-ġrajjiet se jkollhom fuq iż-żona Ewro Mediterranja kollha kemm hi.
Ir-rivoluzzjoni fil-Libja hija l-ġrajja li rrikjediet l-aktar risposti diffiċli u fit-tul. Fit-Tuneżija u l-Eġittu l-fażijiet inizzjali tar-rivoluzzjonijiet waslu fil-qofol tagħhom anki waqt li l-komunità internazzjonali kienet għadha qed issib il-mod kif tirrispondi għal dan it-tqanqil spontanju u drammatiku. Il-ġrajjiet, kif irrappurtati fil-media, kienu viżwalment qawwija u politikament kbar ħafna. Dak li kien qiegħed jiġri ftit ħalla spazju ghall-intervent minn barra.
Fil-Libja, il-ġlied kien qalil u mifrux. L-impatt umanitarju kien kbir ħafna. Beda bl-esodu tal-massa ta’ popolazzjoni mwerwra u kompla bil-ġlieda armata li wasslet għal tant nies feruti u mejta. Dan kollu ħoloq il-ħtieġa u l-opportunità ta’ rispons internazzjonali b’mod immedjat kemm f’livell politiku kif ukoll umanitarju.
Ir-rispons ta’ Malta fil-kriżi umanitarja kien dirett u immedjat. Mill-bidu nett kellna rwol attiv biex persuni li riedu jitilqu mill-Libja biex jirritornaw lura pajjiżhom ikunu jistgħu jagħmlu dan. Hekk kif il-ġlied ħrax, Malta nbidlet f’ċentru ewlieni ta’ attività umanitarja – evakwajna lill-feruti, tajna assistenza medika urġenti, wassalna nies u provvisti differenti li kienu ta’ ħtieġa kbira, u servejna ta’ bażi għal bosta aġenziji umanitarji internazzjonali.
Mill-bidu nett rajna l-involviment umanitarju tagħna bħala espressjoni diretta tal-appoġġ li ridna nuru lill-poplu Libjan fil-ġlieda tagħhom biex jikseb il-liberta’, id-dinjità u d-drittijiet umani. Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li rrikonoxxiet ir-rwol tal-Kunsill Nazzjonali ta’ Transizzjoni. Konna fost l-ewwel membri tal-“grupp ta’ kuntatt” fil-Libja. Id-deċiżjoni tagħna u l-azzjoni li ħadna meta żammejna ż-żewġ ajruplani mirage Libjani għamilnihom qabel daħlu s-sanzjonijiet formali tal-Kunsill tas-Sigurtà, li mbagħad osservajna b’mod strett u effettiv.
Dawn l-azzjonijiet kienu wkoll l-espressjoni spontanja ta’ kif Malta tradizzjonalment fehmet u applikat ir-responsabbiltà reġjonali u dik ta’ ġirien fir-rwol tagħha ta’ infermiera tal-Mediterran. Kien f’dan l-ispirtu li filwaqt li ttieħdet l-azzjoni kollha neċessarja biex tiffaċilita l-applikazzjoni effettiva tan-“no fly zone” fil-Libja imposta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ma konniex direttament involuti fl-operazzjonijiet militari. Permezz tat-tmexxija mill-aqwa taż-żona tagħna f’dik li hija flight information, kellna rwol ewlieni biex żammejna l-ajru liberu għall-operazzjonijiet tan-NATO filwaqt li żammejna passaġġ liberu għat-titjiriet kollha ċivili.
Bħala riżultat tar-rivoluzzjonijiet impressjonanti u mwettqa, il-popli tal-Afrika ta’ Fuq issa huma impenjati fil-ħidma sensittiva u diffiċli biex joħolqu l soċjetajiet liberi u miftuħa. L-isfida tal-pajjiżi l-oħra hija kif jistgħu jappoġġjaw dan il-proċess mingħajr indħil; kif jistgħu joffru l-pariri u l-assistenza tagħhom permezz ta’ rispons ċar u dirett lejn il-ħtiġiet reali.
Din l-isfida hija akbar għall-Unjoni Ewropea, li bħalissa qed taffronta d-diffikultajiet interni tagħha. Attwalment l-Unjoni hija mistennija li tmexxi l-ħidma tal-komunità internazzjonali fl-għajnuna lid-demokraziji emerġenti tal-Afrika ta’ Fuq biex irabbu l-għeruq, hekk kif fl-istess ħin jiffaċċjaw in-neċessitajiet urġenti ta’ kuljum u l-aspirazzjonijiet tal-popli tagħhom. Fuq perjodu fit-tul, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li taħdem mad-demokraziji ġodda biex jerġgħu jiġu definiti l-istrutturi tas-sħubija Ewro Mediterranja, fuq il-bażi tal-għarfien li issa għandha sieħeb ġenwinament ugwali u vijabbli fl-istruttura regjonali.
Għal Malta, fattur ta’ diżappunt is-sena li għaddiet kienet l-assenza ta’ rwol effettiv ta’ kontribuzzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet reġjonali Mediterrranji eżistenti. Fil-bidu tas-sena kien hemm pjani biex f’Malta ssir il-laqgħa għolja tal-5+5. Is-sekwenza tal-ġrajjiet li bdiet fit-Tuneżija ħarbtet l-iskeda għal din il-laqgħa, iżda jidhrilna, li kieku saret kmieni, din il-laqgħa kienet rilevanti u fil-waqt. Konna diżappuntati li dan ma seħħx.
Konvinti li l-5+5 jibqa’ forum ta’ ġid għal konsultazzjoni bejn ir-reġjuni f’dan iż-żmien ta’ inċertezza u tranżizzjoni. Qegħdin naħdmu għalhekk biex il-laqgħa għolja posposta tiltaqa’ kemm jista’ jkun malajr fis-sena l-ġdida u biex inżommu l-proċess miexi 'l quddiem fil-forom l-oħra tiegħu. Hemm ħafna xogħol xi jsir biex titqiegħed il-bażi ta’ sħubija ġdida Mediterranja. Il-mod intimu li fih isiru l-laqgħat tal-5+5 jipprovdi l-ambjent ideali għal esplorazzjoni ġdida dwar relazzjoni aktar fil-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-ġirien tagħha tal-Afrika ta’ Fuq.
Il-ġrajjiet tal-Afrika ta’ Fuq imorru lil hinn mid-dimensjoni reġjonali fit-tfassil u l-effett tagħhom. B’mod differenti, ir-rivoluzzjonijiet fit-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja kienu prodott ta’ fatturi u kundizzjonijiet prevalenti f’ħafna pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani u anki lil hinn minnhom. Ir-risposta immedjata tal-Lega Għarbija sa mill-ewwel ġranet tal-kriżi Libjana kienet riflessjoni ta’ din ir-realtà.
Id-dimensjonijiet aktar wiesgħa tal-fenomenu Nord Afrikan jispjegaw ukoll għaliex id-deċiżjoni tal-Lega Għarbija fuq il-Libja kienet strumentali biex xprunat l-azzjoni internazzjonali fin-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kunċett ta’ effetti kbar imma sa dak inhar mhux ittestjati tar-responsabbiltà li tingħata protezzjoni. Ir-rivoluzzjonijiet fl-Afrika ta’ Fuq influenzaw l-iżviluppi f’pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani, inkluża s-Sirja. Inevitabbilment dawn il-ġrajjiet qed jeffettwaw ukoll il-fatturi kumplikati li jinsabu fil-qalba tal-kwistjoni Palestinjana fil-Lvant Nofsani.
Is-sitwazzjoni fis-Sirja hija speċjalment preokkupanti kemm fl-implikazzjonijiiet politiċi kif ukoll umanitarji tagħha. Waqt li x-xenarju politiku fis-Sirja mhux daqstant ċar kif kien per eżempju fil-każ tal-Libja, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja li qed iseħħ hija ta’ kobor impressjonanti. Il-komunità internazzjonali għad trid issib kif taġixxi b’mod effettiv bil-għan li tipproteġi lill-poplu Sirjan mid-delitti li qed jitwettqu kontrihom. Nemmnu li jeħtieġ jiżdiedu l-isforzi fi ħdan l-ambitu tan-Nazzjonijiet Uniti biex tinstab it-triq it-tajba 'l quddiem.
Is-sitwazzjoni Palestinjana baqgħet magħna għal sena oħra mingħajr progress evidenti. It-taqlib tar-reġjun ta’ madwar kompliet tkattar in-natura perenni tal-volatilità tal-problema. Malta tkompli tara r-rwol tal-komunità internazzjonali miexja fid-direzzjoni li toħloq il-kundizzjonijiet fejn stat indipendenti u vijabbli Palestinjan jeżisti maġenb stat Iżraeljan sikur. Dan ifisser ukoll li aktar miżuri diretti u qawwija huma meħtieġa biex jikkumbattu azzjonijiet li jxekklu l-proċess lejn is-soluzzjoni li jkun hemm żewġ stati. L-inizjattivi Palestinjani li għandhom l-għan li tinkiseb sħubija sħiħa f’organizzazzjonijiet internazzjonali inklużi n-Nazzjonnijiet Uniti għandhom ukoll jitqiesu f’dan il-kuntest.
Minkejja d-difetti u d-diżappunti tagħha, is-sistema multilaterali li ddur madwar in-Nazzjonijiet Uniti tibqa’ raġġ ta’ tama u sforz mifrux ta’ ħidma għall-komunità internazzjonali. Xi drabi, id-domanda fuq ir-riżorsi umani u finanzjarji tas-sistema tkun kbira wisq, speċjalment fi żmien ta’ miżuri ħorox ta’ awsterità fuq livell nazzjonali f’parti sinifikanti tal-membri, iżda l-bżonn ta’ impenn dejjem akbar min-Nazzjonijiet Uniti u aġenziji multilaterali oħra fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, żvilupp u drittijiet tal-bniedem, huwa kbir ukoll.
Flimkien mar-rwol kontinwu u ħafna drabi sieket tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti f’oqsma ta’ ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u kooperazzjoni għal żvilupp, ta’ min jiftakar ukoll f’uħud mis-suċċessi li rajna matul l-aħħar tnax-il xahar, speċjalment fl-Afrika.
Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-impatt tal-azzjoni konġunta mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każ tal-Libja. Fl-ewwel xhur tas-sena n-Nazzjonijiet Uniti kellhom rwol importanti biex ġabu fi tmiemu l-konflitt fl-Ivory Coast, li wassal biex f’Diċembru, għall-ewwel darba eks kap ta’ stat inġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali biex iwieġeb għall-akkużi ta’ reati kontra l-umanità. F’Lulju, is-Sudan tan-Nofsinhar ingħaqad man-Nazzjonijiet Uniti bħala l-mija u tlieta u disgħin membru, wara għexieren ta’ snin ta’ ġlied u gwerra ċivili li wkoll inġabu fi tmiemhom bl-intervent tan-Nazzjonijiet Uniti. B’mod anqas drammatiku l-isforzi fit-tul li għamel is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Myanmar setgħu bdew ukoll jagħtu l-frott kif igerbeb iż-żmien matul is-sena.
Il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima huwa qasam ieħor fejn is-sena li għaddiet il-komunità internazzjonali wriet ċertu progress mixtieq. Il-laqgħa ta’ Diċembru f’Durban irnexxielha b’xi mod tagħti bidu biex iżżid il-valur prattiku tal-miri politiċi li qablu fuqhom is-sena ta’ qabel f’Cancun.
Tliet aspetti tal-konklużjonijiet ta’ Durban huma inkoraġġanti. Sar xogħol siewi biex jitwaqqaf Fond tal-Klima. Intlaħaq ftehim fuq it-tieni perjodu ta’ ħames snin ta’ impenn għall-Ftehim ta’ Kyoto. U forsi, l-aktar importanti fosthom kollha, id-delegati f’Durban ftehmu biex jistabbilixxu pjan li jwassal għal ftehim ġdid biex jiġi wara dak ta’ Kyoto fl-2020, u li għall-ewwel darba jkun jorbot lill-pajjiżi kollha f’sistema ta’ tmexxija ta’ impenn komuni.
Ir-ritmu tqil tal-mixja rigward it-tibdil fil-klima jippreżenta sew il-qawwa kif ukoll il-frustrazzjonijiet tal-proċess multilaterali. Wieħed għandu jkun rikonoxxenti meta l-moviment, minkejja ċ-ċokon tiegħu, qiegħed fid-direzzjoni t-tajba. Fl-istess ħin, jibqa’ t-tħassib ġustifikat, speċjalment għal pajjiżi żgħar inkluża Malta, li huma partikoralment vulnerabbli għall-effetti diretti taż-żieda globali fit-temperatura, li l-kwistjoni titlob għal rispons aktar urġenti u serju minn dik li ngħatat s’issa.
L-Unjoni Ewropea kellha parti delikata f’Durban biex torbot il-ftehim dwar l-estensjoni tal-impenn ta’ Kyoto mal-ftehim dwar pjan għal perjodu itwal li jwassal għal ħidma aktar komprensiva. Kienet f’pożizzjoni li tagħmel dan ukoll għar-raġuni tal-arranġamenti interni li kienu diġà fis-seħħ taħt l-Iskema Kummerċjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-Emissjonijiet. Din tagħti eżempju effettiv ħafna tar-relazzjoni kostruttiva bejn il-proċess ta’ suċċess ta’ integrazzjoni reġjonali u l-proċess usa’ multilaterali.
Malta tappoġġa b’mod partikolari dak li l-Unjoni Ewropea tiddefinixxi bħala l-vokazzjoni multilaterali tagħha. Aħna nilqgħu l-mod li bih din il-vokazzjoni tkompli tintwera f’diversi okkażjonijiet, għalkemm mhux dejjem sal-livell mixtieq ta’ suċċess. Dan kien il-każ b’mod partikolari fil-kwistjoni ta’ laqgħa ta’ negozjati dwar il-kummerċ, li jibqgħu maqbuda fi staġnar frustranti.
Hu f’dan l-ispirtu li Malta kienet qed tieħu rwol f’operazzjonijiet immexxija mill-Unjoni Ewropea f’diversi reġjuni. F’dawn l-aħħar ftit tas-snin Malta kienet preżenti f’Georgia, Kosovo, Bosnja, kif ukoll bhala parti mis-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-qarn tal-Afrika permezz tal-operazzjoni kontra l-piraterija ‘l hinn mix-xtut tas-Somalja (Atalanta), u mal-missjoni tal-Unjoni Ewropea fit-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja fl-Uganda. Espert Malti se jkun parti mill-missjoni mmexxijja mill-Unjoni Ewropea li se taghmel analizi fuq il-ġestjoni tal-fruntieri fil-Libja.
Matul l-2011 il-problemi finanzjarji li kiddu l-Unjoni Ewropea fortunatament kellhom biss impatt limitat fuq il-kapaċità tagħha li twettaq il-ħafna impennji multilaterali tagħha. Matul l-ewwel parti tas-sena l-Unjoni Ewropea kisbet, ċertament bi sforz akbar minn dak mistenni, l-istatus imsaħħaħ ta’ osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li fittxet li jippermettulha teżerċita b’mod aktar effettiv ir-responsabbiltajiet ġodda taħt it-trattat ta’ Lisbona. Il-ħidma fuq bidliet oħrajn frott tat-Trattat ta’ Lisbona, partikolarment il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Affarijiet Barranin, kompliet miexja ‘l quddiem.
L-2011 rat ukoll l-għeluq b’suċċess tan-negozjati għad-dħul tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea, bl-iffirmar tat-trattat formali li seħħ f’Diċembru. Malta, li dejjem tappoġġa l-proċess ta’ tkabbir, tara dan l-iżvilupp bħala sinjal ieħor tal-vitalità kontinwa tal-Unjoni, u tistenna b’ħerqa li tilqa’ lill-Kroazja bħala t-28 membru fl-2013.
Bħal dejjem Malta tara l-impennji tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħala katalist u parti importanti meħtieġa sew fl-involviment reġjonali u multilaterali tagħna kif ukoll biex insaħħu u nseddqu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna. Waqt li ntenni l-ħbiberija kontinwa u l-koperazzjoni li tikkaratterizza l-progress tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna, nixtieq f’dal-punt nirriflettu b’ċertu dieqa fuq il-ġrajjiet traġiċi li reġgħu laqtu diversi pajjiżi madwar id-dinja. Nixtieq infakkar b’mod partikolari it-terremot u s-tsumani devastanti li għeżżu lill-Gappun f’Marzu li għadda, kif ukoll il-ġuħ li mis-Sajf fena l-Lvant tal-Afrika.
Fuq livell nazzjonali s-sena li għaddiet reġgħet kienet karatterizzata bi sforzi kontinwi biex nieqfu għall-impatt tal-kriżi kbira ekonomika u finanzjarja li laqtet il-parti l-kbira ta’ sħabna. Kellna wkoll nilqgħu għall-impatt immedjat tal-ġrajjiet fl-Afrika ta’ Fuq, speċjalment fil-Libja.
Kellna nieħdu deċiżjonijiet iebsa biex nissalvagwardjaw l-impiegi u nsostnu s-servizzi soċjali tagħna, biex ngħinu lil min l-aktar għandu bżonn. F’dan il-kuntest kellna wkoll nagħmlu sforz speċjali biex infasslu pjan ta’ ristrutturazzjoni biex jippermetti lil-linja tal-ajru nazzjonali tagħna tvinċi d-diffikultajiet preżenti tagħha.
Meta tqis kollox l-istatistika turi li, tal-anqas s’issa, konna kapaċi negħlbu l-agħar parti tal-maltempata. Matul l-2011 it-tkabbir tagħna laħaq medja ta’ 2.4%, rata ogħla minn dik tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dak taż-żona Ewro li laħaq il-medja ta’ tkabbir ta’ anqas minn 2%. Malta llum hija l-ħames fil-lista fejn hemm l-anqas qgħad bir-rata ta’ 6.4% u l-inflazzjoni kienet ta’ 2.7%. Dawn huma kollha rizultati rispettabbli meta mqabbla mal-medji ewropej. L-isforzi tagħna biex insaħħu l-finanzi tagħna ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni Ewropea li l-ġimgħa li għaddiet qablet li tipproponi r-revoka tal-proċedura ta’ deficit eċċessiv fil-konfront ta’ Malta; konferma ohra li tas-success tal-għaqal fit-tmexxija tal-ekonomija ta’ pajjizna
Żewġ setturi li wrew tkabbir għenu biex l-ekonomija tagħna tibqa’ għaddejja relattivament tajjeb. Il-qasam tas-servizzi finanzjarji kompla jikber b’rata mgħaġġla. Illum, Malta tospita 25 istituzzjoni ta’ kreditu, 14-il istituzzjoni finanzjarja, 52 kumpannija ta’ assigurazzjoni, 706 Funds, u 112-il kumpannija ta’ servizzi ta’ investiment. Dan ikkontribwixxa lejn tkabbir tajjeb f’impiegi ta’ livell għoli.
It-Turiżmu, kontributur prinċipali fl-ekonomija tagħna, ukoll wera tkabbir tajjeb matul is-sena. Bejn Jannar u Novembru 2011, in-numru totali tat-turisti żdied b’5.9 fil-mija fuq l-istess perjodu fl-2010 li kienet sena rekord. Passiġġieri tal-cruise liners żdiedu b’madwar 6% fl-istess perjodu matul l-2010.
L-istrateġija soċjo-ekonomika tagħna tkompli tkun immirati biex ninċentivaw l-investiment, nissalvagwardjaw l-ambjent tagħna, intejbu l-infrastruttura, ninvestu b’mod qawwi fl-edukazzjoni, inżommu rata baxxa ta’ taxxa, niġġieldu l-inflazzjoni u nnaqqsu l-burokrazija.
Dan hu b’konformità mal-impenn qawwi tagħna lejn il-bidla kontinwa ta’ Malta f’soċjetà prospera, effiċjenti u umana, imsejsa fuq il-prinċipji ta’ governanza demokratika, legalità u ġustizzja soċjali.
Eccellenzi,
Ippermettuli nerġa’ nwassal l-awguri u l-isbaħ xewqat tiegħi, flimkien mat-tama li l-isforzi komuni tagħna jikkontribwixxu biex inkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħna, kif ukoll insaħħu l-ħidma kollettiva tagħna biex nippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en