TNEDIJA TA’ “IT-TEŻORI TAGĦNA L-MALTIN” - KTIEB U SIT ELETTRONIKU TA’ VALUR KBIR GĦAT-TFAL TAL-ISKEJJEL KOLLHA
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina, iddiskreviet bħala inizjattiva ta’ valur kbir dik li permezz tagħha t-tfal kollha fl-iskejjel primarji u sekondarji f’Malta u Għawdex se jingħataw ktieb b’xejn dwar diversi siti storiċi Maltin li se jkunu wkoll fuq sit elettroniku fejn l-istess studenti jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu għal xi proġetti li jkollhom.
It-tnedija ta’ din l-inizjattiva saret dalgħodu fl-Iskola Sekondarja tas-Subien tal-Kulleġġ Santa Margerita u għaliha attendew studenti minn skejjel tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Istat.
F’diskors qasir li għamlet il-Ministru Cristina qalet li l-gżejjer tagħna huma miżgħuda b’bini, monumenti, siti storiċi u postijiet ta’ interess flimkien ma’ pajsaġġi li jsaħħru. Sfortunatament hawn anke Maltin li anqas jafu li jeżistu dawn il-postijiet u wisq anqas żaruhom.
Fuq inizjattiva ta’ Miranda Publishers – grazzi lid-Diretturi Eddie u Tony Aquilina li ħadu l-inizjattiva – għandna żewġ kotba li fihom ġabru ritratti u ftit tagħrif dwar dawn it-“Teżori Tagħna l-Maltin” biex wieħed isir jaf aktar dwarhom.
Miranda Publishers, bl-għajnuna ta’ numru ta’ sponsors għamlu żewġ kotba mill-isbaħ, wieħed għall-istudenti tal-primarja u ieħor għall-istudenti tas-sekondarja u se jagħtu kopja ta’ dan il-ktieb lil kull tifel u tifla fil-gżejjer Maltin, mingħajr ebda ħlas.
Dan il-ktieb għandu jinżamm bħala teżor ieħor – għax barra milli hu pubblikazzjoni ta’ kwalità jiġbor fih tagħrif siewi li l-istudenti għandhom ikunu tafu għax jistgħu jiġu bżonnu fl-istudji tagħhom.
Din l-inizjattiva hi ferm akbar mill-ktieb li se jingħata lil kull student u studenta għax l-informazzjoni u r-ritratti kollha li hemm fil-kotba se jkunu wkoll online biex l-istudenti jkunu jistgħu jaċċessawhom mid-dar tagħhom jew mill-klassi u jekk iridu jistgħu jniżżluhom minn fuq l-internet u jagħmlu użu minnhom f’xi proġetti li jkollhom.
Joe. F. Grima li ħa ħsieb il-kitba kellu biċċa xogħol kbira biex jagħżel x’għandu jidħol fil-ktieb għax f’Malta u Għawdex għandna ħafna postijiet ta’ interess u ma setgħux jitpoġġew kollha fi ktieb wieħed. It-tagħrif li hemm mar-ritratti hu qasir biex wieħed jibqa’ jiftakru.
Il-ktieb juri l-importanza ta’ diversi postijiet li hemm il-ħtieġa li aħna nieħdu ħsiebhom daqs li kieku huma parti mid-dar tagħna. Fuq kollox Malta u Għawdex huma d-dar tagħna wkoll u rridu nibżgħu għalihom u ma nħallux minn jagħmel ħsara fihom.
Il-Ministru Cristina appellat biex dan il-ktieb ma jitpoġġiex fuq xi xkaffa u jitħalla hemm. It-tfal għandhom jarawh u jaqrawh u wara jgħadduh lil membri oħra tal-familja tagħhom, anke kbar, biex huma wkoll isiru jafu aktar dwar dan it-teżori tagħna.
Fl-aħħarnett il-Ministru tal-Edukazzjoni u d-Xogħol ħeġġet lill-istudenti kollha biex intom ukoll jikkontribwixxu biex dawn il-postijiet nirranġawhom u nirrestawrawhom. Fil-ktieb hemm appell biex it-tfal jagħmlu kontribuzzjoni żgħira biex ikun restawrat it-Torri ta’ Wignacourt li jinsab fi stat ħażin ħafna u għandu bżonn tiswija.
Kulmin jikkontribiwxxi għal din l-inizjattiva jista’ jħossu kburi li bil-kontribuzzjoni tiegħu, is-soċjetà Din l-Art Ħelwa tkun tista’ issewwi kif meħtieġ dan it-torri importanti u nkunu nistgħu ngħidu li dan it-torri kien restawrat bil-kontribuzzjoni tat-tfal tal-iskejjel Maltin u Għawdxin. “Nittama li jkun hawn ħafna fostkom li jilqgħu dan l-appell”, temmet għid il-Ministru.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm l-aħwa Tony u Eddie Aquilina li ħadu l-inizjattiva, Joe Grima u Bernie Mizzi li kkontribwew għall-pubblikazzjoni, Uffiċjal minn Din l-Art Ħelwa, sponsors, Prinċipali tal-Kulleġġi, rappreżentanti tal-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti u numru sabiħ ta’ tfal tal-iskola.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en