Left arrow Go Back

TNEDIJA TA’ “IT-TEŻORI TAGĦNA L-MALTIN” - KTIEB U SIT ELETTRONIKU TA’ VALUR KBIR GĦAT-TFAL TAL-ISKEJJEL KOLLHA

PR0127
Date Icon 20/01/2012

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina, iddiskreviet bħala inizjattiva ta’ valur kbir dik li permezz tagħha t-tfal kollha fl-iskejjel primarji u sekondarji f’Malta u Għawdex se jingħataw ktieb b’xejn dwar diversi siti storiċi Maltin li se jkunu wkoll fuq sit elettroniku fejn l-istess studenti jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu għal xi proġetti li jkollhom.

It-tnedija ta’ din l-inizjattiva saret dalgħodu fl-Iskola Sekondarja tas-Subien tal-Kulleġġ Santa Margerita u għaliha attendew studenti minn skejjel tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Istat.

F’diskors qasir li għamlet il-Ministru Cristina qalet li l-gżejjer tagħna huma miżgħuda b’bini, monumenti, siti storiċi u postijiet ta’ interess flimkien ma’ pajsaġġi li jsaħħru.  Sfortunatament hawn anke Maltin li anqas jafu li jeżistu dawn il-postijiet u wisq anqas żaruhom.

Fuq inizjattiva ta’ Miranda Publishers – grazzi lid-Diretturi Eddie u Tony Aquilina li ħadu l-inizjattiva – għandna żewġ kotba li fihom ġabru ritratti u ftit tagħrif dwar dawn it-“Teżori Tagħna l-Maltin” biex wieħed isir jaf aktar dwarhom.

Miranda Publishers, bl-għajnuna ta’ numru ta’ sponsors għamlu żewġ kotba mill-isbaħ, wieħed għall-istudenti tal-primarja u ieħor għall-istudenti tas-sekondarja u se jagħtu kopja ta’ dan il-ktieb lil kull tifel u tifla fil-gżejjer Maltin, mingħajr ebda ħlas.

Dan il-ktieb għandu jinżamm bħala teżor ieħor – għax barra milli hu pubblikazzjoni ta’ kwalità jiġbor fih tagħrif siewi li l-istudenti għandhom ikunu tafu għax jistgħu jiġu bżonnu fl-istudji tagħhom.

Din l-inizjattiva hi ferm akbar mill-ktieb li se jingħata lil kull student u studenta għax l-informazzjoni u r-ritratti kollha li hemm fil-kotba se jkunu wkoll online biex l-istudenti jkunu jistgħu jaċċessawhom mid-dar tagħhom jew mill-klassi u jekk iridu jistgħu jniżżluhom minn fuq l-internet u jagħmlu użu minnhom f’xi proġetti li jkollhom.

Joe. F. Grima li ħa ħsieb il-kitba kellu biċċa xogħol kbira biex jagħżel x’għandu jidħol fil-ktieb għax f’Malta u Għawdex għandna ħafna postijiet ta’ interess u ma setgħux jitpoġġew kollha fi ktieb wieħed.  It-tagħrif li hemm mar-ritratti hu qasir biex wieħed jibqa’ jiftakru.

Il-ktieb juri l-importanza ta’ diversi postijiet li hemm il-ħtieġa li aħna nieħdu ħsiebhom daqs li kieku huma parti mid-dar tagħna.  Fuq kollox Malta u Għawdex huma d-dar tagħna wkoll u rridu nibżgħu għalihom u ma nħallux minn jagħmel ħsara fihom.

Il-Ministru Cristina appellat biex dan il-ktieb ma jitpoġġiex fuq xi xkaffa u jitħalla hemm.  It-tfal għandhom jarawh u jaqrawh u wara jgħadduh lil membri oħra tal-familja tagħhom, anke kbar, biex huma wkoll isiru jafu aktar dwar dan it-teżori tagħna.

Fl-aħħarnett il-Ministru tal-Edukazzjoni u d-Xogħol ħeġġet lill-istudenti kollha biex intom ukoll jikkontribwixxu biex dawn il-postijiet nirranġawhom u nirrestawrawhom.  Fil-ktieb hemm appell biex it-tfal jagħmlu kontribuzzjoni żgħira biex ikun restawrat it-Torri ta’ Wignacourt li jinsab fi stat ħażin ħafna u għandu bżonn tiswija. 

Kulmin jikkontribiwxxi għal din l-inizjattiva jista’ jħossu kburi li bil-kontribuzzjoni tiegħu, is-soċjetà Din l-Art Ħelwa tkun tista’ issewwi kif meħtieġ dan it-torri importanti u nkunu nistgħu ngħidu li dan it-torri kien restawrat bil-kontribuzzjoni tat-tfal tal-iskejjel Maltin u Għawdxin.  “Nittama li jkun hawn ħafna fostkom li jilqgħu dan l-appell”, temmet għid il-Ministru.

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm l-aħwa Tony u Eddie Aquilina li ħadu l-inizjattiva, Joe Grima u Bernie Mizzi li kkontribwew għall-pubblikazzjoni, Uffiċjal minn Din l-Art Ħelwa, sponsors, Prinċipali tal-Kulleġġi, rappreżentanti tal-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti u numru sabiħ ta’ tfal tal-iskola.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow